Go to the English
Version
Nhar it-Tlieta 25 u l-Erbgħa 26 ta’ Marzu,
fis-7.30pm, fis-Sala tal-Mużika tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, Inizjamed se
tippreżenta “F’Kull Belt Hemm Kantuniera”. Din hija produzzjoni oriġinali li
fiha se tindaqq għall-ewwel darba kompożizzjoni ta’ mużika kontemporanja ta’
Karl Fiorini ispirata minn xogħlijiet letterarji ġodda ta’ wħud fost l-aħjar
awturi żgħażagħ f’Malta llum.
Jieħdu
sehem il-pjanista Caroline Calleja, il-vjolinista Sarah
Spiteri,
il-klarinettista Godfrey Mifsud, u l-mezzo sopran Claire Massa, u l-atturi
Marcelle Teuma u Toni Attard.
Se jkun hemm ukoll
għall-wiri xogħol ta’ l-artista żagħżugħa
Anabel Cordina. Id-disinn tal-programm u
tal-ktieb bix-xogħlijiet letterarji huwa ta’ Adrian Mamo,
waqt li t-tema fotografika tal-proġett
hija xogћol oriġinali
ta'
Alexandra Pace.

Ix-xogħlijiet li se jiġu ppreżentati
huma ta’ Clare Azzopardi, Stanley Borg, Norbert Bugeja, Priscilla Cassar,
Bernard Cauchi, Claudia Fiorini, Maria Grech Ganado, u Simone Inguanez.
Dax-xogħol
jagħmel parti minn
“Bliet (u Miti)”, proġett ta’ sena
li beda f’April ta’ l-2002 u li fih l-artisti fi ħdan Inizjamed użaw forom
differenti ta’ l-arti biex jiddekostruwixxu l-identifikazzjoni ta’ Malta
mar-raħal rurali u jesploraw id-dimensjoni kosmopolitana ta’ l-identità
Maltija u s-sehem tan-nisa fl-istorja tagħna.
F’Awwissu
ta’ l-2002, Inizjamed organizzat żewġ lejliet f’Couvre Porte, il-Birgu, li
fihom kien hemm forum pubbliku dwar l-identità Maltija, preżentazzjoni ta’
kitbiet letterarji ġodda minn awturi stabbiliti u oħrajn emerġenti u s-sehem
ta’
Miro Villar, wieħed mill-aqwa awturi u
kritiċi żgħażagħ fil-Galizja. Villar mexxa wkoll sensiela ta’ workshops ta’
kitba kreattiva fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.
Fit-13 ta’ Jannar, Inizjamed organizzat forum pubbliku ieħor, fil-Kavallier ta’ San
Ġakbu, dwar l-identità kosmopolitana ta’ Malta u s-sehem tan-nisa fit-tiswir
ta’ dik l-identità. Il-kelliema ewlenin kienu l-antropologu Dr. Mark-Anthony
Falzon u l-istoriku s-Sur James Debono (ritratt, xellug). It-taħditiet tagħhom se jkunu
pubblikati flimkien mal-kitbiet letterarji matul ir-rappreżentazzjonijiet li
se jsiru f’San Ġakbu fil-25 u s-26 ta’ Marzu.
Karl
Fiorini (t.1979) studja l-kompożizzjoni mużikali fl-Università
ta’ Malta. Il-Professur Charles Camilleri u l-Professur Joseph Vella iqisuh
bħala wieħed mill-kompożituri emerġenti ewlenin ta’ pajjiżna. Tnejn
mix-xogħlijiet tiegħu, Zmurke u Ode to Calliope, indaqqu
l-ewwel darba fil-Festival ta’ l-Arti ta’ Aberysthwyth f’Wales.
Il-kompożizzjoni ta’ Karl Fiorini fil-produzzjoni “F'Kull Belt Hemm
Kantuniera” jisimha “Is-Solitudni fil-Belt”. Dan huwa xogħol f’moviment
wieħed li hu maqsum f’disa’ partijiet.
 Il-biljetti
għall-produzzjoni “F’Kull Belt Hemm Kantuniera” jqumu Lm3.50 u jinsabu
għall-bejgħ mill-Kavallier ta’ San Ġakbu (miftuħ kuljum bejn l-10.00 am u
t-8.30 pm, tel. 21223200). Din il-produzzjoni qed tittella’ minn Inizjamed
bil-kollaborazzjoni ta’
Holiday Malta u l-Proġett
għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt u l-Furjana, u bl-għajnuna
tas-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u taċ-Ċentru
għall-Kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu.
Fil-jumejn li fihom se tittella’ “F’Kull
Belt Hemm Kantuniera” il-ktieb bix-xogħlijiet u l-artikli dwar l-identità
Maltija se jkun għall-bejgħ bi prezz speċjali.
Il-koordinazzjoni hija f'idejn Adrian Grima, Marcelle Teuma u Karsten
Xuereb.
Għal aktar tagħrif
ikteb lil
inizjamed@maltaforum.org jew ċempel fuq 2137 6941 jew 7946 7952. Hemm
ukoll tagħrif dwar dawn ir-rappreżentazzjonijiet fuq il-website ta’
Inizjamed:
http://www.maltaforum.org jew
http://inizjamed.cjb.net
|