Dejjem Uniku, Dejjem Differenti*

Ġaħan u l-Identità Kulturali Maltija

 

© Adrian Grima

 


Leonardo Sciascia (fir-ritratt), ir-rumanzier Sqalli mir-raħal ta’ Racalmuto fil-provinċja ta’ Agrigento, jirrakkonta li meta kien għadu tifel, kienu jiltaqgħu t-tfal u n-nisa tal-post biex jiddiskutu l-ġrajjiet tar-raħal u jirrakkontaw ħrejjef u stejjer antiki. Fost in-nisa kien hemm mara li kulħadd kien iqisha bħala narratriċi tajba għax kienet “taf tirrakkonta”, għax il-“fatt” mhu xejn jekk ma tkunx taf tirrakkontah. Fl-aħħar, wara r-rakkonti tal-biża’ li kienu jqajmu ġisem it-tfal xewk xewk, in-narratriċi kienet tirrakkonta storja ta’ Ġaħan biex l-atmosfera ma tibqax maħkuma mill-biża’. Iktar tard, meta Sciascia beda jmur jara l-films fit-teatru l-antik li darbtejn fil-ġimgħa kien jinbidel f’ċinema, wara l-film drammatiku li jqabbiżlek id-dmugħ, kien ikun hemm il-“final komiku”, il-”farsa” ta’ Charlot, Harold Lloyd, jew Ridolini.

 

Ġaħan huwa persunaġġ importanti li jorbotna mat-taħlit li seħħ u ma’ l-istorja tal-Mediterran u jixhed is-sehem importanti tagħna f’dawn l-iskambji. Giufà ta’ Sqallija (fl-istampa), Ġuħâ tad-dinja Għarbija, Nasreddin Hoca tat-Turkija u persunaġġi oħrajn huma “verżjonijiet” lokali ta’ l-istess persunaġġ. Ġaħan huwa wkoll eżempju “ħaj” ta’ l-għarfien superfiċjali u sikwit żbaljat li għandna ta’ gżiritna u l-wirt għani tagħha. Ġaħan ma kienx sempliċiment il-baħnan li sikwit nassoċjawh miegħu f’Malta llum. Kif jgħid l-isem ta’ waħda mill-edizzjonijiet ta’ ktieb editjat minn Francesca Maria Corrao b’daħla ta’ Leonardo Sciascia Ġaħan huwa “l-makakk, il-baħnan, u l-għaref” (Giufà: Il-Furbo, Lo Sciocco, Il Saggio, Oscar Mondadori, 1991). Ħafna drabi l-istejjer tiegħu huma mibnijin fuq il-lingwa, fuq interpretazzjoni leġittima, imma fil-kuntest żbaljata tal-kliem. Barra minn hekk, is-suċċess tar-rakkont stess jiddependi mill-użu effettiv tal-lingwa (u t-teatralità) u għaldaqstant, Ġaħan ilaqqa’ flimkien għadd ta’ elementi li jinteressawni meta nkunu qegħdin nitkellmu dwar l-identità u d-diversità kulturali ta’ Malta.

 

F’waħda mill-ħrejjef ta’ Ġaħan kif rakkontati minn Ġorġ Mifsud-Chircop (Ġaħan u Ħrejjef Oħra, PEG, 1992), l-għedewwa ta’ Ġaħan jaqbduh ġo xkora u jaqtgħuha li jitfgħuh il-baħar fejn hu fond. Imma waqt li qed jieklu f’ħanut, Ġaħan jibda jgħajjat, “Jien ma rridx niżżewweġ lill-prinċipessa.” Dak il-ħin kien għaddej ragħaj fqajjar li malli semgħu jgħid hekk, ħalla l-merħla u resaq lejn l-ixkora. “Jiena imma rrid niżżewwiġha lill-prinċipessa,” qal lil Ġaħan, u dak kien pront qallu biex jidħol fl-ixkora minfloku. U b’dan il-mod tassew daħħlu fl-ixkora għax ħadlu l-merħla u baqa’ sejjer biha lejn id-dar, waqt li r-ragħaj spiċċa f’qiegħ il-baħar.

 

Meta nsemmi lil Ġaħan qiegħed inqabbad ukoll id-diskors dwar l-identità u d-diversità kulturali ma’ l-istorja. Maalouf (fir-ritratt, iktar 'l isfel) isostni li l-istorja ta’ pajjiż, b’dak kollu li fiha, trid tiġi rispettata.

 

It is not synonymous with empty nostalgia or indiscrimate worship of the past. On the contrary, it stands for all that has been built up over the centuries: memory, symbols, institutions, language, works of art, and all the other things to which one may legitimately be attached.

 

Fl-istess ħin, kulħadd jammetti li l-ġejjieni ta’ pajjiż ma jistax ikun sempliċiment tkomplija ta’ l-imgħoddi. Filwaqt li l-ġejjieni jrid jinbena fi spirtu ta’ tkomplija jrid jiġbor fih ukoll tibdiliet mill-qiegħ, flimkien ma’ kontributi sinjifikattivi minn bnadi oħra, kif seħħ fl-aqwa epoki kollha ta’ l-imgħoddi.

 

Maalouf jemmen li l-futur tagħna jiddependi ħafna minna, mill-mod kif nużaw il-globalizzazzjoni biex nilħqu l-għan tagħna li nsaħħu d-diversità kulturali. Filwaqt li l-mezzi l-ġodda tal-komunikazzjoni se jressquni malajr lejn xulxin u bħala reazzjoni jenfasizzaw id-differenzi ta’ bejnietna, se jagħmluna wkoll konxji tad-destin komuni tagħna. Forsi b’dan il-mod tista’ toħroġ perspettiva ġdida ta’ l-identità bħala t-tlaqqigħ tal-lealtajiet kollha tagħna, u fi ħdanha, tissaħħaħ il-lealtà tagħna lejn il-komunità tal-bnedmin.

 

Bħall-identità ta’ kull persuna, Ġaħan għandu l-identità kumplessa tiegħu li tlaqqa’ flimkien elementi li normalment ma nqegħduhomx flimkien: il-makakk, il-baħnan u l-għaref. U bħal Malta, l-identità tiegħu hija marbuta, fost l-oħrajn, ma’ reġjun li ħafna drabi f’Malta jew ninjorawh, bħallikieku l-gżejjer tagħna qegħdin xi mkien ieħor, jew inħarsu lejh u nitkellmu fuqu b’mod superfiċjali. Barra minn hekk, Ġaħan jinteressana għax, kif tgħid Corrao, joħloq kriżi fl-ordni stabbilit. Fi ħrafa oħra rrakkontata minn Ġorġ Mifsud Chircop, Ġaħan joħodha kontra l-ġgant Gulija u jirbaħlu bil-makakkerija, bil-ħeffa tal-ħsieb. Il-ġgant li kien jibża’ minnu kulħadd issa joqgħod għall-kliem ta’ Ġaħan. ”Ġuħâ agisce sempre secondo la logica del capovolgimento, operando continue trasgressioni.” U f’dan is-sens huwa simbolu tajjeb tad-diversità li trid tegħleb l-ordni li trid timponi fuqna dinja globalizzata mmexxija minn ftit nies li għandhom f’idejhom il-mezzi tal-komunikazzjoni u l-kummerċ dinji. Ġaħan, fil-“periferija” ta’ belt globali, daqqa jidħaq bin-nies u daqqa jdaħħaq in-nies bih, imma dejjem uniku, dejjem differenti.

 

 

*Din il-kitba hija parti mill-artiklu, “Bejn l-Identità u d-Diversità Kulturali” ta’ Adrian Grima li ġie ippubblikat fil-ktejjeb Gżejjer ta’ Diversità Kulturali/ Islands of Cultural Identity ta’ Adrian Grima u Kevin MacNeil (Inizjamed, 2001)

 

 
 
 

Għall-Ewwel Paġna | Back to the First Page