| Għażla
      Mediterranja | ||
| F'waħda mill-iktar siltiet interessanti u
      provokattivi tal-ktieb tiegħu, Mediterraneo
      - Un Nuovo Breviario, Predrag Matvejevic jgħid li
      l-"mediterranjetà" mhix xi ħaġa li tiret imma xi
      ħaġa li tikseb; mhix vantaġġ imma deċiżjoni.
      Li tkun mediterranju jew mediterranja hija għażla.
      Malta qed tagħżel, bl-iktar mod ċar, li ma tkunx. Minkejja
      li aħna mgħarrqin fil-Mediterran u dak kollu li nassoċjaw
      miegħu, l-aspirazzjonijiet tagħna bħala poplu jinsabu
      fl-Ewropa jew fid-dinja virtwali ta' l-Istati Uniti li qegħdin ibellgħulna
      mill-mezzi tax-xandir.  Il-fatt hu li Malta teħtieġ tiġdid
      kulturali mill-qiegħ. Kif? Il-ħsieb wara dan il-Premju huma
      indikazzjoni. Fil-Mediterran qed jittieħdu ħafna inizjattivi
      kulturali, politiċi, ambjentali u soċjali li permezz tagħhom
      il-Mediterranji qegħdin iġeddu l-wirt għani li għandhom
      u joħorġu bi proposti interessanti għall-preżent u
      l-futur. Ngħidu aħna f'diskors li għamlet dan l-aħħar
      f'Malta, l-istudjuża żagħżugħa Elisabetta Bucolo
      tkellmet dwar il-mod kif matul iż-żminijiet, il-komunitajiet
      tradizzjonali fil-Mediterran ħolqu ekonomija li fiha l-persuni
      u r-relazzjonijiet bejniethom jiġu
      qabel il-prodott innifsu jew il-funzjoni
      tal-persuna fit-transazzjoni ekonomika. Hija tip ta' ekonomija li
      tirrispetta lill-bnedmin u lill-ambjent bil-wisq iktar mill-ekonomija
      tas-suq. L-ekonomija solidali moderna tista' tqabbad ma' dawn l-għeruq
      fondi li diġà jeżistu u toffri alternattiva reali u konkreta għall-isqaq
      magħluq ta' l-ekonomija tas-suq.  Fi ktieb qawwi bl-isem ta' Lo Sviluppo Insostenibile. La crisi del capitalismo nelle aree
      periferiche: il caso del Mezzogiorno, il-ħabib tiegħi Tonino
      Perna jisħaq li wasal iż-żmien li n-Nofsinhar ta' l-Italja
      jerġa' lura lejn il-Mediterran. Kulma jmur, il-Mezzogiorno qiegħed
      jintegra ruħu ma' l-inħawi b'saħħithom tan-Naħa
      ta' Fuq u jnaqqas l-iskambju ekonomiku tiegħu mal-pajjiżi
      tal-Mediterran. Fuq il-livell kulturali, l-omologazzjoni tal-ġenerazzjonijiet
      il-ġodda qatgħethom sew mill-"għeruq"
      Mediterranji tal-kultura tan-Nofsinhar u din il-ħarba mill-Mediterran
      żiedet fil-pass tagħha minħabba l-ideoloġija ewroċentrika.
        F'Malta l-qagħda hija simili,
      bid-differenza importanti li fin-nofsinhar ta' l-Italja hemm ħafna
      inizjattivi interessanti ta' tiġdid kulturali waqt li f'Malta dawn
      l-inizjattivi huma ftit u la għandhom għeruq fondi u lanqas appoġġ
      popolari.  Dan it-tiġdid irid jiġi minna. F'dan
      is-sens, il-kwistjoni tar-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-UE hija kwistjoni
      "falza". Nidħlu jew ma nidħlux, nistgħu nagħżlu
      (kif qed nagħżlu bħalissa - biżżejjed tħares
      lejn il-ġennata tal-korsa tal-golf jew l-istat tal-Malti) li nibqgħu
      neqirdu l-wirt ambjentali u kulturali tagħna.  Kultant nissuspetta li d-diskussjoni dwar l-UE
      imponejnieha fuqna nfusna biex inserrħu l-kuxjenza li kwistjonijiet
      serji dwar il-kummerċ, dwar il-kultura u dwar l-ambjent qegħdin
      (speċi ta') niddiskutuhom. Hija ħasra kbira li l-partiti l-kbar
      m'għandhomx il-ħila joħolqu ambjent ta' diskussjoni li
      jirrifletti l-firxa u l-kumplessità ta' l-għażliet li għandna
      quddiema, għażliet li għandhom x'jaqsmu, imma li jmorru
      wkoll lilhinn, mis-sħubija fl-UE. Nissuspetta li l-partiti l-kbar ma
      jafux jaraw l-affarijiet mod ieħor, jiġifieri b'modi li jmorru
      lilhinn mis-simplifikazzjonijiet redikoli ta' tajba/ħażina,
      jaqbel/ma jaqbilx, nidħlu/ma nidħlux, u l-bqija.  Id-deċiżjonijiet dwar il-kultura tagħna,
      u hawn nifhem kultura f'sens wiesa' ħafna, la jistgħu jiħduhom
      għalina minn Bruxelles u lanqas mill-Isvizzera. Nirrealizza li
      d-diskors dwar il-Mediterran u dwar il-kultura u l-identità huwa diskors
      kumpless ħafna. Iżda dad-diskors xi darba jrid jibda f'Malta, għax
      qabel ma nibdew nistħarrġu r-realtajiet ambjentali u kulturali
      mediterranji tagħna ma nistgħux nipproponu politika li
      tirrifletti l-wirt u l-potenzjal tagħna bħala individwi u bħala
      poplu. Adrian GrimaMejju, 2000  Ippubblikata bħala
      daħla għall-ktejjeb Kitbiet mill-Mediterran (Inizjamed,
      KKU, 2000) |  Il-Mediterran (Maps.com) |