Il-Ġustizzja fil-Kummerċ u L-Arka


Kulħadd jaf li fid-dinja hawn inġustizzji kbar imma mhux kulħadd jirrealizza li dawn l-inġustizzji qegħdin jikbru, li aktar u aktar nies qegħdin jegħrqu.

L-Għaqda Dinjija tax-Xogħol tikkalkula li fl-aħħar tas-seklu għoxrin persuna minn kull tlieta jew kienet bla xogħol jew ma kellhiex biżżejjed xogħol. Mis-snin tletin tas-seklu 20 ‘l hawn, l-affarijiet qatt ma kienu daqshekk ħżiena. Fl-1960 l-iktar nies sinjuri fid-dinja kienu qed jaqilgħu 30 darba iżjed mill-iktar nies fqar. Fl-1998 bħala medja is-sinjuri tad-dinja kienu qegħdin jaqilgħu 78 darba iżjed mill-fqar. Il-fatti juru biċ-ċar li l-inġustizzji qegħdin jikbru.

Fi ktieb mill-aqwa li ma joqgħodx idur mal-lewża, Localization: A Global Manifesto (Earthscan, 2000) Colin Hines juri li fil-fatt il-kummerċ dinji jinsab f’idejn il-kumpaniji transnazzjonali bbażati fil-pajjiżi industrijalizzati u mhux f’idejn il-mexxejja tal-pajjiżi magħżulin mill-poplu: dawn il-kumpaniji jiddeċiedu min jibqa’ fil-wiċċ u min jegħreq, skond kif jaqblilhom. Il-maġġoranza l-kbira tan-nies tad-dinja huma dgħajjes tal-karti f’idejhom.

Risposta Effettiva

Waħda mill-iktar risposti effettivi għal dawn l-inġustizzji istituzzjonalizzati hija l-kummerċ ġust. Dan it-tip ta’ kummerċ ilu jeżisti tnejn u tletin sena u llum hawn mat-3000 ħanut ta’ kummerċ ġust (“ħanut dinji”). F’Malta l-uniku ħanut ta’ kummerċ ġust huwa L-Arka ta’ 306, Triq San Pawl, il-Belt, ħanut immexxi minn koperattiva ta’ voluntiera li ma jiħdux sold mill-qligħ li jagħmel il-ħanut għax il-flus jerġgħu jinvestuhom f’inizjattivi ta’ kummerċ li jqiegħed lill-bnedmin ‘il fuq mill-profitt. Il-Koperattiva Kummerċ Ġust twaqqfet fl-1996 mill-Grupp għat-Tielet Dinja.

Fost il-prodotti ta’ L-Arka hemm ħafna xogħol ta’ l-artiġjanat, ngħidu aħna xogħol ta’ l-irħam, tal-fuħħar, tad-drapp u tal-qasab, kif ukoll strumenti mużikali etniċi, cds ta’ mużika “dinjija”, u ħafna prodotti etniċi oħra ta’ kwalitŕ.

Fil-kummerċ ġust, organizzazzjonijiet fil-pajjiżi s-sinjuri jixtru l-prodotti minn produtturi fil-pajjiżi l-fqar bi prezz ġust miftiehem bejn iż-żewġ partijiet. Biex dan il-ħlas ikun ġust irid jipprovdi biżżejjed flus biex il-ħaddiema u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jtejbu l-kwalitŕ tal-ħajja tagħhom u ta’ wliedhom billi, ngħidu aħna, jgħixu f’ambjent mhux imniġġes, ikollhom aċċess għal kura medika tajba, u jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola.

L-importaturi jħallsu bil-quddiem, biex lill-ħaddiema l-fqar ma jaqtgħulhomx saqajhom qabel ma jibdew, u jiftiehmu li l-ordnijiet għall-prodotti tagħhom jibqgħu jagħmluhom għal tul ta’ żmien ħalli lill-produtturi jserrħulhom rashom li xogħolhom se jibqa’ jinbigħ u d-dħul tagħhom mhux se jieqaf ħabta u sabta. B’dan is-serħan tal-moħħ jistgħu jippjanaw ħajjithom u ħajjet il-komunitajiet tagħhom aħjar.

Fil-kummerċ ġust l-importaturi jippreferu jagħmlu n-negozju ma’ ħaddiema fil-pajjiżi l-fqar li jaħdmu f’koperattivi jew fi gruppi li fihom kulħadd jieħu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Importanti wkoll li l-produtturi joffru opportunitajiet indaqs lin-nisa u lill-irġiel. L-importaturi jaraw li l-ħaddiema jkunu qegħdin jaħdmu f’kundizzjonijiet tajbin u mingħajr periklu għal saħħithom; li ma jkunx hemm sfruttament tat-tfal fil-proċess produttiv; u li jingħataw opportunitajiet ta’ żvilupp lil nies żvantaġġati, bħal popli indiġeni. Għall-ġid tal-ħaddiema stess u ta’ kulħadd, kriterju ieħor importanti huwa li ma ssirx ħsara lill-ambjent biex jinħadem il-prodott jew biex jinġarr minn post għal ieħor. 

Element importanti ieħor fil-kummerċ ġust huwa t-tagħrif. Kull prodott jinħadem bl-idejn u għandu l-istorja tiegħu. Kontra l-kummerċ internazzjonali normali li fih il-prodott huwa iktar importanti minn min jaħdmu, fil-kummerċ ġust huwa essenzjali li mal-prodott titwassal ukoll l-istorja, l-esperjenza ta’ min jaħdmu u anki tagħrif dwar l-inġustizzji li jeżistu fil-kummerċ internazzjonali normali. Il-kummerċ ġust huwa wkoll moviment li jaħdem favur il-ġustizzja soċjali, favur politika ambjentali li tagħmel sens, u favur sigurtŕ ekonomika permezz ta’ kampanji u inizjattivi lokali u internazzjonali.

Bejn il-Kliem u l-Fatti

Għal dawk li jħossuhom bla saħħa quddiem l-inġustizzji tal-kummerċ dinji u xebgħu mid-diskors li fl-aħħar mill-aħħar ma jtejjibx il-ħajja reali tal-fqar tad-dinja, il-kummerċ ġust joffri soluzzjonijiet konkreti. Bil-wasla ta’ dan il-moviment f’Malta permezz ta’ L-Arka, il-Maltin ukoll jistgħu jieħdu sehem f’din l-inizjattiva li toffri ġustizzja billi jinfurmaw rwieħhom dwar il-kummerċ ġust u jixtru prodotti verament ġusti.

Diċembru 2000

Adrian Grima


Għall-Ewwel Paġna