Ktieb għall-Ħruq

Is-Sibt, 23 ta' April, 2005, fis-7.30pm

 

“Ktieb għall-Ħruq” at Caraffa Stores in Vittoriosa

 
 

Ara r-rapport ta' Sergio Grech

 
 

Nhar is-Sibt, 23 ta’ April, fis-7.30pm, fl-Imħażen ta' Caraffa, ix-xatt tal-Birgu, għadd ta’ awturi ewlenin, artisti, atturi u mużiċisti, se jieħdu sehem fil-lejla “Ktieb għall-Ħruq.” Id-dħul għal din l-attività huwa b’xejn.

 

“Ktieb għall-Ħruq” qed tittella' fil-Jum Dinji tal-Ktieb minn Inizjamed, bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-Birgu u bl-appoġġ tal-Cottonera Waterfront Group

 

L-awturi kollha li se jieħdu sehem huma Clare Azzopardi, Stanley Borg, Norbert Bugeja, John Buttigieg, Priscilla Cassar, Claudia Fiorini, Miriam Galea, Maria Grech Ganado, Sergio Grech, Adrian Grima, Henry Holland, Simone Inguanez, Roderick Mallia, Immanuel Mifsud, Walid Nabhan, Ġużè Stagno, u Leslie Vassallo. Minbarra li se jaqraw xogħol letterarju ġdid bil-Malti, l-awturi mistednin se jitkellmu fil-qosor dwar ktieb li laqathom.

 

Barra minn hekk, fis-6.30pm, għadd ta’ żgħażagħ li jattendu kulleġġi post-sekondarji, se jaqraw ix-xogħol tagħhom bil-Malti u bl-Ingliż. Se jkun hemm ukoll interventi mużikali marbutin mat-testi letterarji minn Esmeralda Galea Camilleri fuq l-arpa u Maria Bonnici fuq il-flawt.

 

Għal dan il-proġett, l-artist Raphael Vella ħejja installazzjoni marbuta mat-tema tal-kotba (hawn fuq jidhru Dettalji mix-xogħol tiegħu, "Mass Weapon of Self-Destruction"), waqt li l-atturi Annabelle Galea, Marion Zammit, Claire Zerafa, Dominic Dimech, u Kevin Attard, taħt id-direzzjoni ta' Marcelle Teuma, se jippreżentaw ix-xogħol ta' Clare Azzopardi, "Jien ix-Xhud."

 

Waqt l-attività se jitnieda l-ktieb bix-xogħlijiet ta’ l-awturi editjat minn Adrian Grima u ddisinjat mill-artist Pierre Portelli. Dakinhar biss, il-ktieb se jinbiegħ bi prezz speċjali. Wara jkun għall-bejgħ, fost l-oħrajn, minn Sapienzas Bookshop tal-Belt Valletta, li qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lil din l-inizjattiva.

 

L-Imħazen ta’ Caraffa

 

L-Imħazen ta’ Caraffa max-xatt tal-Birgu inbnew fl-1689 fuq ordni tal-Granmastru ta’ l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann Gregorio Caraffa. Dan il-bini fih għadd ta’ swali b’soqfa ġejjin għat-tond mifruxin fuq tliet sulari. Fis-sular t’isfel kien hemm il-maħżen ewlieni tax-xwieni, b’provvisti kbar ta’ ħbula, drappijiet u ħwejjeġ oħra għall-bastimenti tal-gwerra u dawk tal-merkanzija li kienu jidħlu fil-Port il-Kbir. Fl-ewwel sular kien hemm l-uffiċċji amministrattivi ċentrali tal-port u ta’ l-attività marittima. Fit-tieni sular, li minnu tista’ toħroġ ukoll għat-triq fuq in-naħa ta’ wara ta’ l-Imħażen, kienu jgħixu l-fizzjali ta’ l-iskwadri tax-xwieni.

 

Skond il-Perit Michael Ellul, fl-1818 dan il-bini kollu fil-Marina Grande tal-Birgu għadda f’idejn il-Flotta Navali Brittaniku u l-Imħażen ta’ Caraffa waqgħu f’idejn l-uffiċjal tal-Flotta inkarigat mill-provvisti ta’ l-ikel u bdew jissejħu l-Imħażen tal-Kaptan. L-imħażen ta’ l-ikel tal-Flotta Navali li kien hemm max-xatt tal-Birgu setgħu jerfgħu biżżejjed ikel għal 10,000 għax sitt xhur.

 

Il-Ħruq ta’ Don Francesco Gesualdo u l-Kotba

 

L-istorja tal-belt tal-Birgu hija marbuta sew ma’ l-istorja tal-kotba f’Malta, kemm minħabba l-għadd ta’ skejjel u studjużi li kien hemm, kif ukoll minħabba l-ħruq tal-kotba pprojbiti fi żmien l-Inkwiżizzjoni. Każ traġiku kien dak ta’ Don Francesco Gesualdo, membru Franċiż ta’ l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li kellu skola fil-Birgu. Fl-1563, fuq inizjattiva ta’ l-Isqof Cubelles, Don Francesco nstab ħati mill-Inkwiżizzjoni li kien qed jaqra u jqassam kotba Luterani. Dan wassal biex ħarquh ħaj fil-pjazza tal-Birgu u ħadu passi kontra min kien qed jaqra l-istess kotba tiegħu.

 

L-istoriku Carmel Cassar isostni li sa l-aħħar tas-seklu sittax, minkejja li l-qari tal-kotba kien infirex sewwa minħabba t-twelid ta’ l-istampar, “il-Knisja Kattolika, permezz ta’ l-Inkwiżizzjoni, irnexxielha tikkontrolla l-ħajja, u l-ħsibijiet l-aktar mistura, tan-nies f’Malta.” Fuq ordni ta’ l-Inkwiżitur Evangelista Carbonese, ngħidu aħna, fil-5 ta’ Mejju, 1609, fil-pjazza tal-Birgu, inħarqu għadd ġmielu ta’ kotba ta’ kull tip, inkluż xogħol dwar il-matematika ta’ Tolemew u kotba tal-kittieb Franċiż François Rabelais.

 

L-istorja tal-kotba f’Malta hija wkoll imtappna mill-każ magħruf ta’ għadd ta’ attivisti politiċi xellugin li fl-1933 ittellgħu l-Qorti mixlija li kienu qed jaqraw kotba “sedizzjużi,” kotba li jħajru lill-Maltin biex iqumu kontra l-ħakkiema Ingliżi u l-amministrazzjoni tal-pajjiż, u jheddu t-twemmin tan-nies u l-awtorità tal-Knisja.

 

Minnu nnifsu, il-ktieb jimraħ f’oqsma ġodda u joħloqhom hu stess, jesplora perspettivi u realtajiet mhux magħrufa u mhux aċċettati u għaldaqstant jisfida “s-sewwa magħruf” u l-ordni stabbilit. Ivan Callus jgħid li l-kotba jesprimu t-tamiet u l-beżgħat tal-bnedmin, u l-ambizzjonijiet bla limiti u l-assurdità tad-delużjonijiet kbar tagħhom. Il-kotba jlissnu kurżità li ma tistax titrażżan, u dejjem jesprimu t- tiftix bla waqfien tal-bniedem.

 

Minħabba f’hekk, il-kotba dejjem ixellfu difrejhom mal-poter politiku, soċjali u kulturali ta’ komunità, u sikwit jiġi rrifjutati qabel ma jistgħu jiġu ppubblikati. F’dawn l-aħħar xhur, uħud mix-xogħlijiet li se jinqraw waqt “Ktieb għall-Ħruq” sabu ruħhom f’din is-sitwazzjoni għax twarrbu minn istituzzjonijiet u djar tal-pubblikazzjoni mhux minħabba n-nuqqas ta’ kwalità imma minħabba li jittrattaw temi skomdi b’lingwa letterarja li tipprova tirrifletti dik it-tematika.

 

Għaldaqstant, din l-attività hija maħsuba għal udjenza matura.

 

Għal aktar tagħrif ara l-website ta’ Inizjamed, www.inizjamed.org jew ikteb lil inizjamed@maltaforum.org.

 

Adrian Grima

Il-15 ta' April, 2005

 
 
 
 

“Ktieb għall-Ħruq” at Caraffa Stores in Vittoriosa

Saturday, 23 April, 2005, 6.30pm and 7.30pm

 

On Saturday, 23 April, at 7.30pm, a number of writers, artists, actors and musicians will come together at Caraffa Stores on the Vittoriosa waterfront to present an evening of new literature in Maltese called “Ktieb għall-Ħruq.” Entrance to all events, which are being coordinated by Inizjamed, is free.

 

The writers who will be reading their previously unpublished works in Maltese are Clare Azzopardi, Stanley Borg, Norbert Bugeja, John Buttigieg, Priscilla Cassar, Claudia Fiorini, Miriam Galea, Maria Grech Ganado, Sergio Grech, Adrian Grima, Henry Holland, Simone Inguanez, Roderick Mallia, Immanuel Mifsud, Walid Nabhan, Ġużè Stagno, and Leslie Vassallo. They will also be saying a few words about a book that they have found particularly inspiring.

 

Music, Art and Theatre

 

Before these readings, at 6.30pm, six budding writers will be reading their works in English and Maltese. Both sets of readings will be accompanied by music played by UOM Junior College students Esmeralda Galea Camilleri on harp and Maria Bonnici on flute.

 

During the first set of readings at 6.30pm, well-known artist Raphael Vella will be presenting his installation which has been prepared specifically for this literary event which is celebrating World Book Day. Clare Azzopardi’s short story “Jien ix-Xhud” will be presented by five actors, Annabelle Galea, Marion Zammit, Claire Zerafa, Dominic Dimech, and Kevin Attard, under the direction of Marcelle Teuma.

 

During the event Inizjamed will be launching the book, edited by Adrian Grima and designed by Pierre Portelli, which includes the works that are being read on Saturday. The book will be on sale at a special discounted price. After the event it will be on sale at outlets such as Sapienza’s bookshop in Valletta, which is supporting this event.

 

Books and Don Francesco Gesualdo at the Stake

 

The maritime city of Vittoriosa, or Birgu, is intimately tied to the story of books in Malta, both because of the number of schools and scholars associated with this city port in early modern times and because of the burning of prohibited books by the Holy Office of the Inquisition which was based in Vittoriosa. One tragic case was that of Don Francesco Gesualdo, a French member of the Knights of St. John, who ran a school in Vittoriosa. In 1563 the Inquisition found Don Francesco guilty of reading and distributing prohibited Luteran books and burned him at the stake as a heretic in the main square in Vittoriosa.

 

Historian Carmel Cassar argues that by the end of the 16th century, despite the fact that the reading of books had spread thanks to the invention of printing, “the Catholic Church – through the workings of the Inquisition – had managed to control the lives, and most inner thoughts, of Malta’s inhabitants.” On the order of the Inquisitor, Evangelista Carbonese, on May 5, 1609, a large number of books, including works by Ptolemy and Rabelais, Jewish books and the Koran were burned in the main square of Vittoriosa.

 

It is in the very nature of books to venture beyond the “known world,” or even to create new worlds themselves. Books provide unusual and othen unorthodox perspectives and realities and therefore they inevitably clash with “common knowledge” and the established order. Ivan Callus writes about “books’ articulation of humanity’s hopes and fears, its overreaching ambitions and the absurdism of its delusions, its irrepressible inquisitiveness and, always, its ceaseless questing.”

 

Because of their intrinsically daring nature, books often clash with prejudice and with the powers that be, be they are political, social, cultural or religious. Often they are rejected by publishers before they can even make it to the book shelves. This is what has happened to some of the Maltese works that will be read on Saturday evening. They were rejected not because they are not good enough but because they tackle unsettling themes and they try to create their own unsettling literary language.

 

“Ktieb għall-Ħruq” is therefore meant for a mature audience.

 

This event is being organized by Inizjamed, in collaboration with the Vittoriosa Local Council and with the support of the Cottonera Waterfront Group.

 

For more information visit www.inizjamed.org or write to inizjamed@maltaforum.org.

 

 

Adrian Grima

Coordinator, Inizjamed

 
 
 
 

Ktieb għall-Ħruq

Sergio Grech

 

(In-Nazzjon, 13.5.05)

 

Inizjamed iċċelebrat Jum il-Ktieb ta’ din is-sena b’serata letterarja fil-Birgu bl-isem Ktieb għall-Ħruq. Mill-attività nibtet ukoll antoloġija li tlaqqagħna ma’ bosta kitbiet kontemporanji. L-antoloġija ġiet editjata minn Dr Adrian Grima; lekċerer tal-Malti l-Junior College.

 

L-isem li ntgħażel hu sinifikanti ħafna. Il-Birgu hu post l-Inkwiżituri u min jaf dawn matul il-preżenza tagħhom kemm paġni ħarqu għax ħassew li dawn kienu kuntrarji għat-tagħlim tal-Knisja. L-Inkwiżizzjoni jekk xejn serviet bħala mezz effettiv biex tikkontrolla mhux biss l-ereżija imma anki l-ħsieb. Għax il-ktieb jipprovokah il-ħsieb. Il-ktieb jaf ikun perikoluż għax jisfida dak li ndara u l-istatus quo.

 

Il-pubblikazzjoni tiġbor 17-il awtur li lkoll jippreżentaw id-dinja tagħhom. Ix-xogħol ivarja bejn proża u poeżija. Hemm xogħol validu u jikkontradixxi lil min jgħid li llum mhu jinkiteb xejn sura u xejn ġdid. Mhux ngħidu li l-kittieba żgħażagħ laħqu s-sema imma hemm traċċi konvinċenti wkoll f’kitbiethom. Iva, hemm direzzjonijiet ġodda u qtugħ mill-passat anki jekk passi żgħar.

 

Nagħtu ħarsa lejn uħud mill-awturi. L-awtur Ġuże Stagno, li tana Inbid ta’ Kuljum, jippreżenta biċċa satira dwaru nnifsu, dwar l-awturi Maltin fejn jissemma fil-kredu anki l-koordinatur ta’ din il-paġna! Maria Grech Ganado tippreżenta żewġ poeżiji surreali waqt li Henry Holland jitkellem dwar il-Perit Mintoff u l-mit tiegħu u l-famuża distinzjoni min mhux magħna kontra tagħna.

 

Xogħol li jispikka hu dak ta’ Immanuel Mifsud fejn bosta jaqgħu vittma tas-satira u s-sarkażmu tiegħu. Iktar ma taqra mill-ewwel tagħraf min qiegħed fil-mira tiegħu. Hemm kitba valida wkoll mingħand Claudia Fiorini, Simone Inguanez u Clare Azzopardi. Din hi faċċata ġdida għax sa ftit ilu l-vuċijiet feminili kienu xotti iktar mill-frawli.

 

Adrian Grima fid-daħla tiegħu jsostni li wħud mill-kitbiet ta’ din il-ġabra ġew imwarrba mill-“istituzzjonijiet u djar tal-pubblikazzjoni, mhux minħabba n-nuqqas ta’ kwalità imma minħabba li jistħarrġu temi skomdi ...” U anki dak hu invell tajjeb.

 

Il-ktieb għandu qoxra ddisinjata minn Pierre Portelli u ġie mitbugħ b’mod professjonali għall-aħħar.

 

 
 
 
 

Għall-Ewwel Paġna  |  Back to the English Page