L-Università ta' Malta

Id-Dipartiment tal-Malti

 

Ġ.F. Abela Junior College

Memorandum dwar il-Poeżija

 

Memorandum ippreżentat lill-Kunsill Nazzjonali tal-Kultura u l-Arti, mill-parteċipanti ta’ Vers, il-Festival Internazzjonali tal-Poeżija li sar f’Malta bejn l-14 u s-16 ta’ Settembru, 2004

 

Ħafna drabi, lill-poeti jistaqsuhom dwar il-valur tal-poeżija. Din il-mistoqsija tidher aktar pertinenti fid-dinja tal-lum, fejn jidher li l-qisien li jistabbilixxu l-valur ta’ ħaġa saru aktar definiti u relattivament ċari.

 

Biex dak li jkun iwieġeb din il-mistoqsija, irid, qabelxejn, jiddefinixxi x’inhi “id-dinja tal-lum”. Filwaqt li nifhmu li l-era tan-narrattivi l-kbar illum il-ġurnata spiċċat, u filwaqt li nirrikonoxxu li hemm veritajiet varji li jistabbilixxu dinjiet diversi, permezz ta’ l-esperjenzi tagħna, minkejja li ġejjin minn pajjiżi b’realtajiet differenti, nistgħu nagħtu stampa pjuttost definita ta’ x’nifhmu b’ “id-dinja tal-lum”.

 

Nifhmu li din id-dinja tal-lum hija tali li l-konsum huwa l-objettiv prinċipali ta’ l-inizjattivi u l-attivitajiet fil-ħajja ta’ kuljum. Dan jintwera b’mod ċar bit-tip ta’ ħajja materjalista u konsumerista li l-kapitaliżmu avvanzat żera’ u rawwem fis-soċjetajiet diversi li nappartjenu għalihom aħna. Fuq il-lat kulturali, dan il-materjaliżmu jidher b’mod ċar minn dak li qiegħed jiġi ppreżentat lill-poplu, fejn l-hekk imsejjaħ reality tv, is-sitcoms, u programmar populista ieħor qiegħed jimxi pari passu mal-proċess negattiv tal-globalizzazzjoni.

 

F’sitwazzjoni bħal din, il-poeżija tiġi meqjusa bħala inutli, jekk mhux ukoll mejta, minħabba li ma taqax taħt il-parametri konsumisti u materjalisti mħaddna mill-kapitaliżmu avvanzat u l-globalizzazzjoni. Fis-sistemi soċjali li aħna nappartjenu għalihom il-valur ta’ oġġett jew ta’ attività jitqies biss skond il-profitt, l-immedjatezza u l-gwadann materjali.

 

Barra minhekk, din id-dinja tal-lum, hija kkaraterizzata minn ġirja sfrenata lejn l-hekk  imsejjaħ progress teknoloġiku li jġib miegħu bidliet tant kbar li l-bniedem stess m’għadux kapaċi jirreaġixxi għaliha.

 

Ninnutaw ukoll, li hija s-sistema soċjali u politika li qiegħda, fl-aħħar mill-aħħar, tikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ apprezzament tal-poeżija.

 

Hemm aspetti oħra, forsi wħud minnhom jistgħu anki jissorprendu, li qegħdin jheddu l-poeżija. Fil-qasam tal-pubblikazzjoni ninnutaw li anki d-djar tal-pubblikazzjonijiet inġarru mill-mewġa konsumista. Anki l-pubblikaturi saru interessati fl-immedjat, u fil-konsum bil-massa. Illum il-ġurnata, pubblikatur huwa aktar interessat li jipproduċi best seller, li ġeneralment huwa rumanz. Dan jista’ jiġi miġbur fis-sentenza: il-poeżija ma tinbiegħx.

 

Jgħaddi wkoll mingħalina, li f’ċerti każi kienu l-poeti stess li sparaw għal saqajhom, meta ħolqu problemi serji ta’ komunikabilità. Jista’ jkun ukoll li kien hemm drabi meta kienu l-poeti stess li bbanalizzaw il-poeżija. Il-poeżija jrid ikollha d-dinjità tagħha.

 

X’inhi l-poeżija?

Fid-dawl ta’ dan kollu, irridu niddefinixxu wkoll x’inhija l-poeżija. Filwaqt li qegħdin ninnutaw il-kors soċjali, politiku u kulturali li s-soċjetajiet tagħna qabdu, nemmnu li l-poeżija hija l-antidotu tal-banalizzazzjoni globalizzata li qegħdin ngħixu fiha. Il-globalizzazzjoni tal-banalità tirrikjedi s-simplifikazzjoni, jew aħjar is-simpliċizzazzjoni ta’ l-aspetti kollha tal-ħajja umana. U allura nemmnu li l-poeżija hija r-risposta għal dan il-proċess distruttiv. Għaldaqstant, il-poeżija hija minnha nfisha att sovverżiv li jfittex li jirreżisti l-mewġiet tal-konvenzjonijiet il-ġodda li twieldu fl-era tal-kapitaliżmu avvanzat.

 

Minkejja din is-sitwazzjoni, aħna ma nħossu l-ebda ħtieġa li ‘nsalvaw’ il-poeżija. Irridu nagħrfu l-fatt li aħna poeti l-ewwel u qabel kollox għax il-poeżija hija importanti għalina personalment. Sakemm aħna nħossu l-ħtieġa tagħha, il-poeżija tibqa’ utli u importanti. Dan huwa l-punt tat-tluq, u bħala tali huwa punt ċentrali li l-ebda sistema soċjali u ekonomika ma tista’ tibdel.

 

Nemmnu wkoll li mingħajr il-poeżija ma nkunux dak li fil-fatt aħna.  Iżda, il-valur tal-poeżija jmur ukoll lilhinn mill-aspett purament suġġettiv. Nemmnu li indipendentement minna nfusna, il-poeżija għandha wkoll valur kollettiv, anki jekk dan isegwi l-interess personali.

 

Dan l-interess kollettiv ifisser li l-valur tal-poeżija jirreżisti l-immedjatezza mitmugħa lill-poplu mis-sistemi soċjali, kulturali u ekonomiċi.

 

Barraminhekk, il-poeżija trid tkun ħajja u timxi fi proċess kontinwu ta’ metamorfosi, li hija r-realtà tal-poeżija.

 

Nifhmu li l-poeżija m’għandhiex tiġi imposta, iżda għandha tiġi offruta. Il-qofol ta’ kollox huwa kif għandha tiġi ppreżentata l-poeżija. Hemm diversi modi kif il-poeżija tista’ tiġi offruta u ppreżentata lill-pubbliku.

 

  • Permezz ta’ żwieġ bejn il-poeżija u ġeneri oħra artistiċi

  • Permezz ta’ traduzzjonijiet ta’ testi poetiċi

  • Permezz ta’ skambji

  • Permezz ta’ pubblikazzjonijiet indipendenti li ma jimxux mal-mainstream

  • Permezz ta’ inizjattivi oħra bħall-ħwienet tal-poeżija.

 

Victor Fenech, Maria Grech Ganado, Adrian Grima, Tonko Maroević, Vinyet Panyella, Paola Turroni

 

Is-16 ta’ Settembru 2004

Kitba ta' Immanuel Mifsud
 

Lura għall-Ewwel Paġna