L-Erbgħa, 12 ta’ Frar, 2003 |
||
Stqarrija ta’ Għaqdiet tas-Soċjetà Ċivili Maltija dwar il-Gwerra kontra l-Iraq |
||
Ħadd minn dawk li qegħdin isegwu mill-qrib dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa m’għandu dubju li l-gvernijiet ta’ l-Istati Uniti, tar-Renju Unit u l-alleati tagħhom huma determinati li jagħmlu gwerra kontra n-nies ta’ l-Iraq biex jieħdu taħt idejhom il-ħażniet taż-żejt u biex jilħqu, kif stqarret l-organizzazzjoni Gush Shalom, għanijiet “dubjużi” oħra. Hija gwerra għall-qerda tal-massa li se tkisser il-ħajja ta’ miljuni ta’ Iraqini li ilhom għexieren ta’ snin ibatu l-konsegwenzi ta’ gwerer bla waqfien, ta’ embargo kiefer u ta’ tmexxija dittatorjali. Bħala organizzazzjonijiet li jagħmlu parti mis-soċjetà ċivili Maltija, u li ħafna minnhom huma firmatarji tal-Karta tal-Prinċipji tal-Forum Soċjali Dinji, intennu t-twemmin tagħna li d-differenzi bejn il-bnedmin m’ghandniex insolvuhom bil-gwerer. Nemmnu li n-nies kollha ta’ rieda tajba għandhom iħabirku biex isawru soċjetà li tiffoka “l-attività ekonomika u l-azzjoni politika tagħha li taqdi l-ħtiġijiet tan-nies u tirrispetta n-natura, illum u għall-ġenerazzjonijiet li għad iridu jitwieldu.” (Karta tal-Prinċipji, nru. 12, FSD) Minflok jagħmlu gwerra ta’ terrur fuq in-nies, l-ambjent u l-wirt kulturali ta’ l-Iraq u jqiegħdu l-ħajja ta’ eluf ta’ suldati fil-periklu, inħeġġu lil dawk kollha fil-poter, fuq kull naħa, li jridu gwerra, biex jinvestu r-riżorsi umani u finanzjarji prezzjużi tagħhom fi ġlieda kontra l-armi għall-qerda tal-massa li ma jistgħux jinħbew:
Dan l-aħħar, il-membru tal-Grupp għat-Tielet Dinja John Axiak, li qed jagħmel xogħol volontarju fil-Belġju ma’ l-organizzazzjoni For Mother Earth, ġie arrestat inġustament mill-awtoritajiet Belġjani. Bħala membri tas-soċjetà ċivili Maltija aħna kburin li John Axiak huwa lest jipprotesta pubblikament kontra gwerra immorali. Lill-poplu Malti li jemmen tassew fil-paċi u l-ġustizzja nixtiequ ngħaddulu l-appell ta’ John Axiak biex jieħu sehem fil-protesta kontra gwerra fl-Iraq li se ssir nhar is-Sibt, 15 ta’ Frar. Il-manifestazzjoni tibda fis-1.00pm fi Triq Nazzjonali, il-Blata l-Bajda, u tintemm f’Misraħ il-Ħelsien, il-Belt, fejn se jsir kunċert mużikali. Miljuni ta’ nies madwar id-dinja se jkunu qegħdin jipprotestaw kontra din il-gwerra fl-istess ħin. Sadattant, dawk
l-għaqdiet li jixtiequ jiffirmaw il-Karta tal-Prinċipji tal-Forum Soċjali
Dinji jistgħu jibagħtu messaġġ f’dan l-indirizz:
inizjamed@maltaforum.org Stqarrija ffirmata minn:
Adrian Grima |
||