Miro Villar | ||
MALTA MINN GĦAJNEJN GALIZJANI* |
||
B’xorti tajba jeżistu
organizzazzjonijiet mhux governattivi li qegħdin jaħdmu f’din
id-direzzjoni, bħal ngħidu aħna l-assoċjazzjoni
kulturali Taljan Allegorein, li torganizza l-Premio Tivoli Europa
Giovani, konkors miftuħ għall-ilsna kollha Ewropej, magħrufin
bħala lingwi indipendenti. Waqt li kont Tivoli sirt naf lill-poeta
Malti Adrian Grima u dak kien l-ewwel kuntatt tiegħi (viżiv)
ma’ l-ilsien Malti, li kont naf xi ftit dwar l-għeruq semitiku tiegħu
mill-istudji tiegħi fil-Filoloġija, għalkemm dak li kont
naf dwaru kien ftit ħafna tassew! Madankollu jien u
Adrian mal-ewwel sirna ħbieb, tkellimna ħafna flimkien dwar poeżija
u dwar il-qagħda ta’ l-ilsna u l-letteraturi rispettivi tagħna
u nnutajna għadd ta’ elementi komuni. F’dak il-waqt, Adrian
kellimni wkoll dwar l-għaqda Inizjamed u dwar il-possibiltà li naħdmu
flimkien fil-ġejjieni. Xi xhur ilu
Inizjamed iddeċidew li jikkuntattjawni u l-istedina tagħhom beżżgħatni
xi ftit minħabba l-problema tal-lingwa (nista’ naqra l-Ingliż,
iżda diffiċli għalija biex nifhmu meta nisimgħu u ma
nitkellmux, filwaqt li t-Taljan tiegħi huwa medjokri). Bl-għajnuna
prezzjuża ta’ Stephen Cachia, Karsten Xuereb u Adrian innifsu u
ta’ membri oħra ta’ Inizjamed, iż-żjara tiegħi
setgħet isseħħ, sabiex b’hekk stajna norganizzaw
workshops ta’ kitba kreattiva, konferenza dwar il-miti u l-identità
Galizjana u reċitazzjoni tal-poeżiji tiegħi akkumpanjata
minn wirja bl-islajds. Kelli wkoll il-possibilità li nitkellem dwar
il-pajjiż Atlantiku tiegħi bil-lingwa Atlantika tiegħi
f’pajjiż Mediterranju b’lingwa semitika. Vjaġġi
f’Malta
Fil-vjaġġ
tiegħi u ta’ Rosa lejn Malta, l-ikbar inkovenjent kien il-vjaġġ,
għaliex ir-reġjun tal-Galizja huwa r-rokna l-iktar fil-Punent
ta’ l-Ewropa u għalhekk periferika. Għaldaqstant ir-rotot
ta’ l-ajru huma ftit u s-sigħat ta’ stennija fl-ajruport ta’
Barċellona kienu biżżejjed biex stajt naqra rumanz ta’
600 paġna. Meta wasalna,
filwaqt li ħbiebna ta’ l-Inizjamed kienu qed jaħdmu ħafna
fuq l-aħħar dettalji, sibna ħin biex inżuru l-gżira
ta’ Għawdex. L-ewwel sorpriża għalina kienet is-sħana
umduża li kienet tgħajjina tassew kif ukoll il-pajsaġġ
niexef li ltqajna miegħu. Stajna naraw kif iż-żona turístika
li fiha konna alloġjati kienet tixbah sew lill-inħawi turistiċi
tagħna, bi blokok ta’ lukandi u appartamenti, filwaqt li x-xatt
ġie meħud kważi għal kollox minn lukandi mingħajr
ebda spazji miftuħin fil-madwar. F’dan il-każ ma konniex
sorpriżi għaliex fil-Galizja wkoll għandna nħawi fejn
il-pressjoni fuq l-ambjent hija waħda brutali.
Fil-jiem l-oħra
stajna nammiraw il-belt fortifikata tal-Birgu u ż-żjarat tagħna
f’Tas-Sliema u l-Belt Valletta wkoll ħallewlna ħafna tifkiriet
mill-isbaħ. Minn dawn kollha, peress li jien inħobb ħafna
t-teatru, niftakar l-iktar il-fdalijiet tat-Teatru Rjal li rajt hekk kif dħalna
l-Belt u ċ-ċkejken Teatru Manoel, li fakkarni fit-Teatru Ewlieni
ta’ Santiago de Compostela. Iżda fuq kollox niftakar f’dettall
żgħir, il-magni li jintużaw f’dan it-teatru għall-effetti
speċjali, bħal ngħidu aħna r-riħ jew ix-xita.
Qatt ma kont rajt xi ħaġa hekk qabel, minkejja li żort
bosta teatri differenti. L-unika żjara
organizzata li għamilna kienet fil-gżira ta’ Għawdex fejn
il-gwida qatagħha li jeħodna minn naħa għal oħra
ta’ din il-gżira żgħira. Żorna l-monumenti
importanti kollha, iżda għaġġbitni l-aktar it-Tieqa
tad-Dwejra, għaliex hemm stajna nosservaw is-setgħa inkredibbli
tal-baħar u dik il-veduta qarrbitna wkoll lejn il-Galizja u l-kobor
immens ta’ l-Atlantiku. Mal-pittur William
Azzopardi sirna nafu kif jiġu organizzati l-purċissjonijiet
f’Malta. Santa Katarina ma kinitx daqshekk differenti mill-festi
popolari tagħna, bil-kult reliġjuż, bil-mużika
tal-baned u l-logħob tan-nar bil-lejl. Setgħet kienet il-festa
parrokkjali tal-belt tiegħi, Cee. Waħda mill-ftit differenzi
kienet il-fatt li fil-festi tagħna minbarra l-baned jiġu wkoll
gruppi li jdoqqu mużika pop għaż-żgħażagħ. Marsaxlokk,
il-Blue Grotto, ir-Rabat, il-Mosta...dawn kienu nħawi oħra ta’
interess flimkien ma’ l-inbid u l-birra lokali kif ukoll ħut li, ngħiduha
kif inhi, mhux dejjem tajjeb ukoll bħala ikel tar-ruħ. Fl-aħħar
ġurnata żorna l-Mellieħa flimkien ma’ Stephen Cachia,
bis-santwarju impressjonanti tal-Madonna ta’ l-Għar u hemmhekk
laqtuni l-pitturi ex-voto tax-xwieni. Jien ġej mill-Costa da Morte
(Xatt il-Mewt) fil-Galizja u l-istejjer dwar in-nawfraġji huma parti
mill-ħsieb kulturali tiegħi. Fl-Atlantiku dejjem ngħidu li
l-Mediterran huwa baħar bla ħajja kif ukoll kalm. Għalhekk
kienet xi ħaġa li lili ġegħlitni naħseb mill-ġdid
li wara kollox, anke l-baħar Mediterran jaf ikun baħar qalil. Dwar
l-attivitajiet letterarji, il-workshops kienu esperjenza interessanti anke
minħabba l-bosta parteċipanti differenti li ħadu sehem.
Min-naħa tiegħi, il-problemi lingwistiċi ma ħallewnix
inlesti għal kollox xi attivitajiet li kont ħejjejt. L-għan
tiegħi kien li niżviluppa elementi tekniċi differenti ta’
espressjoni fil-kitba li jistgħu jħaffu x-xogħol innifsu
tal-kitba. Ma nafx jekk irnexxilix, iżda fil-fehma tiegħi,
inkitbu testi sbieħ ħafna u fuq kollox ħsibna dwar il-fatt
li l-letteratura, wara kollox, hija logħba, u li l-proċess tal-ħsieb
u l-maturazzjoni jridu jiġu ħafna wara. Kien importanti ħafna
d-djalogu bejnietna lkoll għaliex ma ridtx li nibdel il-workshop
f’monologu. Bħal dejjem
kollox jista’ jitjieb, iżda l-apprezzament personali tiegħi
kien wieħed pożittiv u nittama li anke dawk li ħadu sehem
jistgħu jgħidu l-istess, li ta’ l-inqas xi eżerċizzju
minn dawk li għamilna b’xi mod għenhom biex jiktbu xi ftit aħjar. “Bliet (u
Miti)” fil-Birgu
Ir-rappreżentazzjonijiet
tal-Birgu kienu impressjonanti. Stajna nintebħu bis-sigħat twal
ta’ xogħol li sar biex twettaq dan kollu. Fil-fehma tiegħi
r-riżultat kien wieħed mill-aqwa, speċjalment tnejn
mir-rappreżentazzjonijiet li saru, iżda anke l-iktar qari qasir
li sar laqatni. Ma nifhimx kelma waħda bil-Malti għalkemm il-ħoss
tal-lingwa għadu jidwi f’widnejja imma t-traduzzjonijiet simultanji
ta’ Stephen Cachia għenuna sabiex nifhmu l-letteratura, li dejjem għandha
dimensjoni universali. Matul dawk
il-jumejn skoprejt ukoll li kien hemm elementi oħrajn li kienu
jqarrbuni lejn l-Inizjamed, forsi wkoll minħabba l-oppożizzjoni
tagħhom għall-bini ta’ korsa tal-golf fil-gżira ta’
Malta. Proposta assurda, għalkollox bla sens, wild il-kapitaliżmu
selvaġġ ta’ bħalissa li ftit li xejn jimpurtah
mill-abitanti tal-post u l-mezzi ta’ produzzjoni tagħhom, il-kwalità
tal-ħajja u l-ambjent ta’ l-inħawi. Inizjattiva oħra
li laqtitni ħafna hija dik tal-Koperattiva Kummerċ Ġust li
kienu qed ibigħu xi prodotti tagħhom matul il-lejliet. Fl-aħħar
mill-aħħar, matul dawk iż-żewġt iljieli intbaħt
li ma kontx żbaljajt meta lqajt l-istedina tal-Inizjamed.
Qed nirreferi għall-ġenerożità,
għall-ospitalità u għall-kumpanija pjaċevoli tan-nies
ta’ Inizjamed u dawk li jgħinuhom. Għalina l-mod kif stajna
nagħmlu kuntatt ma’ xulxin u l-ħbiberiji li żrajna għall-ġejjien
kienu l-aqwa ħwejjeġ li ħallielna dan il-vjaġġ.
Grazzi mill-qalb għal dak kollu li għamiltu magħna.
Obbligati dejjem. Miro
u Rosa 9.02 *maqluba
għall-Malti minn Stephen Cachia
|
||