Ir-Riżorsi ta' l-Alġerija | ||
Bil-ħila
tan-nies tagħha u bir-riżorsi minerali li għandha, l-aktar
iż-żejt u l-gass naturali, l-Alġerija tista’ tkun wieħed
mill-iktar pajjiżi sinjuri tal-Mediterran. Madwar 55%
tal-popolazzjoni Alġerina ta’ aktar minn 29 miljun ruħ hija
magħmula minn żgħażagħ ta’ taħt l-20 sena;
75% huma taħt it-tletin. Iżda minn dawk it-tfal li jattendu
l-iskola primarja 3.3% biss jidħlu l-Università. 58% taż-żgħażagħ
bejn it-18 u l-25 sena huma qiegħda. L-ewwel
abitanti ta’ l-Alġerija kienu l-Berberi, u għaldaqstant anki
llum il-kultura Berbera, bil-lingwa u d-drawwiet tagħha, hi meqjusa bħala
l-kultura indiġena, u ħafna awturi Alġerini jagħżlu
li jiktbu bil-lingwa Berbera. Fl-Alġerija l-Berberi
huma madwar 25% tal-popolazzjoni. Il-grupp ewlieni tal-Berberi jgħix
fil-Kabylia fit-tramuntana tal-pajjiż. Minkejja l-influwenza
tal-kultura għarbija, il-Berberi rnexxielhom iżommu l-identità
kulturali tagħhom, fost l-oħrajn permezz tat-twaqqif
tal-Moviment Kulturali Berberu fis-Sebgħinijiet. Dan il-moviment qiegħed
jaħdem biex il-lingwa Berbera, it-Tamazight, tingħata l-għarfien
bħala lingwa nazzjonali u uffiċjali u tiddaħħal
fl-iskejjel. Il-kantant
popolari Matoub Lounes, membru tal-MKB, inħataf mill-GIA u nżamm
għal ġimgħa f’Settembru ta’ l-1994. Fis-26 ta’ ġunju,
1998, inqatel f’roadblock hu u
sejjer lura d-dar. Kellu 42 sena. Matoub li kien esponent magħruf
tal-mużika rai kien ikanta
dwar temi soċjali. Kemm-il darba kkritika liż-żewġ naħat
fil-kunflitt Alġerin. Il-Kunflitt Bejn
l-1834 u l-1962 l-Alġerija kienet maħkuma minn Franza. Minkejja
l-benefiċċji soċjali u l-iżvilupp ekonomiku li seħħ
f’dan il-perijodu, l-Alġerini kellhom iħabbtu wiċċhom
ma’ ħafna restrizzjonijiet. Fil-ġlieda għall-Indipendenza
ta’ bejn l-1954 u l-1962, Franċiżi mietu mal-100,000 u Alġerini
mal-miljun ruħ. Barra minn hekk, fil-gwerra għall-Indipendenza
maż-żewġ miljun ruħ saru refuġjati. Uħud isostnu li l-inkwiet kbir li
għaddejja minnu l-Alġerija bħalissa huwa riżultat
tal-problemi politiċi li l-Indipendenza baqgħet ma solvietx u
tal-problemi ekonomiċi li tfaċċaw minħabba
amministrazzjoni ħażina. Meta l-Gvern Alġerin ikkanċella
l-elezzjonijiet ħielsa li kellhom isiru f’Jannar ta’ l-1992 u li
wisq probabbli kienu se jintrebħu mill-Front Islamiku
tas-Salvazzjoni, bdiet tista’ tgħid gwerra ċivili bejn
il-Gvern u l-oppożizzjoni. F’din is-sitwazzjoni, qed ibatu l-aktar
dawk li jemmnu fil-liberta’ ta’ l-espressjoni u dawk li ma jistgħux
jiddefendu ruħhom. Bejn l-1992 u l-1997 inqatlu mal-50,000 ruħ.
Ħafna oħrajn ħarbu mill-Alġerija u marru jfittxu kenn
f’pajjiżi oħra, fosthom Malta. F’Diċembru ta’
l-1991 il-Front Islamiku tas-Salvazzjoni rebaħ 189 siġġu
minn total ta’ 430 fl-ewwel parti ta’ l-elezzjonijiet nazzjonali li
fihom ħarġu jivvutaw ftit iktar minn nofs il-votanti. Hemm min
jgħid li din ir-rebħa ma kinitx tirrifletti konvinzjoni reliġjuża
qawwija imma x-xewqa tal-poplu li l-Front jiżviluppa u jimmodernizza
l-pajjiż u, l-ewwel u qabel kollox, joffri mexxejja politiċi
moralment integri. Bejn li l-gvern tal-ġurnata ma riedx jaċċetta
l-idea ta’ gvern immexxi mill-FIS u bejn li kien hemm għadd ta’
organizzazzjonijiet demokratiċi, għaqdiet favur id-drittijiet
tal-bnedmin u għaqdiet tan-nisa li talbu l-intervent tal-gvern,
l-armata għamlet pressjoni biex il-President Chadli Benjedid jirriżenja
u floku ħatret kumitat ta’ tmexxija ta’ ħamsa min-nies,
illum immexxi minn Liamine Zeroual. Ħafna jsostnu
li din l-interruzzjoni tal-proċess demokratiku wasslet għar-“radikalizzazzjoni”
ta’ l-Islam u daħħlet lill-Alġerija f’kunflitt imdemmi.
Fl-1994, ngħidu aħna, il-Grupp Islamiku Armat ordna li
l-iskejjel għolja u l-universitajiet kollha jingħalqu.
L-iskejjel sfidaw din l-ordni u bejn il-bidu tas-sajf u Ottubru ta’ dik
is-sena nħarqu mas-sitt mitt skola u nqatlu ħafna edukaturi. L-għaqdiet
tad-drittijiet tal-bnedmin jgħidu li l-iktar nies li huma l-mira
ta’ l-Islamisti radikali huma l-membri tal-forzi tas-sigurtà u
l-familji tagħhom, il-ġurnalisti u ħaddiema oħra fil-media,
il-ħaddiema tal-gvern, il-barranin, in-nisa, l-avukati,
l-intellettwali, l-artisti, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bnedmin u
l-għalliema. Għadd
ta’ sorsi, fosthom rapporti ta’ Impact International, L'Express
International, Index on Censorship u Middle East Report ta’ l-1995,
isostnu li Franza, li tibża’ li mewġa kbira ta’ refuġjati
Alġerini tiġi tħabbat fuq il-bibien tagħha, hi għal
kollox kontra gvern Islamista fl-Alġerija u tagħti armi u appoġġ
lill-armata Alġerina fil-ġlieda tagħha kontra l-gruppi
Islamisti. Jingħad li Franza appoġġjat il-kolp ta’ stat
tal-11 ta’ Jannar ta’ l-1992. Il-Futur Arun Kapil mill-Institut
Maghreb-Europe ta’ l-Università ta’ Pariġi jsostni li “l-futur
ta’ l-Alġerija huwa Islamista”; għażla hi bejn Islamiżmu
moderat u Islamiżmu estremista. Skond l-Index on Censorship, meta
l-FIS kien partit politiku legali, il-biċċa l-kbira ta’
l-Islamisti wrew li kienu lesti joperaw fi ħdan il-qafas
tal-kostituzzjoni pluralista. Jiġri x’jiġri, l-osservaturi
jaqblu li jekk l-attitudni lejn l-Islamiżmu tibqa’ waħda ta’
konfrontazzjoni ħarxa se jibqa’ jinxtered ħafna demm. Fit-taħditiet
li saru f’Ruma f’Novembru ta’ l-1994 u f’Jannar ta’ l-1995
bl-inizjattiva tal-Komunità ta’ Sant’Eġidju, tmien partiti ta’
l-oppożizzjoni ffirmaw ftehim, jew proposta ta’ paċi, li
jikkundanna l-vjolenza kontra ċ-ċivili u jitlob għal
waqfien mill-ġlied, għat-tneħħija ta’ l-istat ta’
emerġenza, għal-legalizzazzjoni tal-FIS u għall-ħelsien
tal-membri tagħhom li jinsabu l-ħabs. Il-ftehim jagħti
wkoll idea tal-passi li jridu jittieħdu biex ikun hemm djalogu
nazzjonali, elezzjonijiet demokratiċi u r-rispett tal-jeddijiet
ċivili. Il-futur veru ta’ l-Alġerija,
bħal dejjem, jinsab fid-djalogu. |
![]() L-Algerija (Maps.com)
Ara l-artiklu dwar l-attivita
|
|
Adrian Grima Marzu 1999 |
||
Dan l-artiklu kien deher fil-ktejjeb Isefra - l-istejjer ta' poplu (Inizjamed - KKU - Marzu , 1999) |