Workshops għal Kittieba Nisa Ispirati minn Fotografija Kontroversjali |
||
Inizjamed, bi sħab mal-British Council, se torganizza sensiela ta’ erba’ workshops fil-kitba kreattiva ghan-nisa fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta. Il-workshops se jsiru nhar ta’ Tnejn, bejn is-6.30pm u t-8.00pm, u jibdew minn nhar it-Tnejn, 27 ta’ Mejju, 2002. Ir-raba’ u l-aħħar sessjoni ssir fis-17 ta’ Ġunju.
Fid-29
ta’ Ġunju, 2002, il-British Council se jniedu wirja ta’ dawn
ir-ritratti provokattivi ta’ Sarah Lucas fiċ-Ċentru
tal-Kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu. Sarah
Lucas twieldet Londra fl-1962, u studjat fil-London College of Printing,
and Goldsmiths College, London. Lucas taħdem b’għadd ta’
materjali u mezzi differenti, fosthom il-fotografija, l-iskultura, u
l-installazzjoni. Skond il-kritika ta’ l-arti Lara Grieve, Lucas hija
magħrufa bħala “t-tifla l-imqarba” ta’ l-arti Brittanika.
Din ir-reputazzjoni ġejja, fost l-oħrajn, mill-pożizzjoni
aggressiva f’għadd ta’ ritratti tagħha nfisha meħudin
mill-1990 ‘l hawn.
Uħud
mill-wirjiet riċenti ta’ Sarah Lucas kienu, “The Old In Out”,
Barbara Gladstone Gallery, New York (1998), “Real Life: New British
Art”, Tochigi, Prefectural Museum of Fine Arts, il-Ġappun (1999), u
“The Fag Show”, Sadie Coles HQ, Londra (2000), u Napli (2001). Minħabba
n-natura tal-workshops, il-grupp ma jistax ikun kbir biex jiffunzjoni
tajjeb. Dawk in-nisa li huma interessati li jieħdu sehem għandhom
jiktbu lill-organizzaturi minnufih (Clare Azzopardi - clareazz@maltanet.net
jew Karen Vella - karin@maltanet.net).
Min jieħu sehem m’għandux bżonn ta’ esperjenza.
Il-workshops se jkunu bil-Malti u huma miftuħin għal nisa minn
18-il sena ‘l fuq. Attivitajiet Oħra Minbarra
dawn il-workshops, fix-xhur li ġejjin Inizjamed se tkun qed
torganizza għadd ta’ attivitajiet oħra. Fis-7 ta’ Ġunju,
l-attivist ambjentali Belġjan Eric Van Monckhoven se jkun il-kelliem
ewlieni f’forum pubbliku ġo Bay Street dwar l-użu mill-ġdid
ta’ materjal mormi u r-rabtiet bejn l-ambjentaliżmu u l-inizjattivi
kulturali. Dan il-forum huwa parti minn proġett ta’ Inizjamed
bl-isem ta’ “Ri-Kreazzjoni” li qed isir bil-kollaborazzjoni
tal-programm “Żgħażagħ” ta’ l-UE u Bay Street.
Għal
aktar tagħrif dwar il-workshops ta’ kitba għan-nisa li se
jibdew nhar it-Tnejn li ġej u attivitajiet oħrajn organizzati
minn Inizjamed, ċempel 21 388995 jew 21 376941, jew ibgħat
fax lil 21 373272. Tista’ wkoll tibgħat email lil inizjamed@maltaforum.org jew
iżżur il-website http://inizjamed.cjb.net Clare
Azzopardi L-20 ta’ Mejju, 2002 |
||
|
||
|
||