Il-Maltin u l-Musulmani

fid-Dokument ta' al-Ħimjarī

 

Dak li kiteb al-Ħimjarī dwar Malta qajjem polemika sħiħa. Fuq naħa kien hemm dawk li ma riedu jniżżluha b'xejn li l-Maltin setgħu warrbu l-fidi Nisranija għal kważi mitejn sena. Fuq in-naħa l-oħra kien hemm dawk li, bid-dokument ta' al-Ħimjarī f'idejhom, sostnew li l-evidenza kienet ċara. Illum għaddew erba' snin mill-pubblikazzjoni, f'forma ta' ktieb, ta' dan id-dokument qadim, u wasal iż-żmien li nistħarrġu l-implikazzjonijiet tiegħu fuq l-istorja tal-poplu Malti u l-ilsien tiegħu mingħajr ma nitbaqbqu żżejjed.

 

Għall-ħabta ta' l-1461, kittieb Għarbi bl-isem ta' al-Ħimjarī ħareġ dizzjunarju ġeografiku bl-isem ta' Kitāb ar-Rawd al-mi'tār fi khabar al-aktār. Għalkemm dan id-dizzjunarju nstab fl-1931 minn E. Levi-Provencal, l-istudjużi Maltin ma kinux jafu li kien fih silta dwar Malta qabel ma ġie f'idejn il-Professur Joseph Brincat (fir-ritratt) fl-1990. Al-Ħimjarī ex fis-seklu ħmistax u kiteb dwar ġrajjiet li seħħu f'Malta bejn is-seklu disgħa u s-seklu ħdax wara Kristu. Dan għamlu mhux għax kien prużuntuż iżda għax seta' jinqeda b'dak li kiteb ċertu al-Bakrī, li twieled fl-1020 u miet fl-1094, jiġifieri fl-aħħar perijodu taż-żmien li qegħdin niddiskutu.

 

Ma nafux kemm al-Ħimjarī żamm ma' dak li kien kiteb qablu fuq Malta al-Bakrī, iżda aktarx ma tantx tbiegħed mit-tagħrif tiegħu. Jekk inhu hekk, allura d-dokument ta' al-Ħimjarī huwa dokument li ta' min nafdawh u neħduh b'serjetą kbira, għax fl-aħħar mill-aħħar huwa miktub minn min għex fiż-żmien li kiteb fuqu.

 

Meta Sabu l-Għasel

 

Fis-sena 870 W. K., meta l-Musulmani niżlu minn Sqallija u ħatfu lil Malta minn taħt idejn il-Biżantini, al-Ħimjarī jgħid li l-Musulmani ħallew ħerba sħiħa warajhom. Il-kliem tiegħu, skond kif ittraduċieh Dr. Manwel Mifsud huwa "an uninhabited ruin". Wara din il-ġrajja tas-sena 870, f'Malta ma baqgħux jgħixu nies, u kienu jżuruha biss il-bennejja ta' l-iġfna biex jiġbru l-injam, is-sajjieda biex jistadu, u dawk li jiġbru l-għasel, għax f'dak iż-żmien, skond al-Ħimjarī, l-għasel kien l-iktar ħaġa komuni f'Malta.

 

Fis-sena 1048, mija u tmienja u sebgħin sena wara li kienu ħaduha taħt idejhom, il-Musulmani fl-aħħar ġew jgħammru f'Malta. Għaliex ġew ma nafux: jista' jkun li l-popolazzjoni tal-Musulmani fi Sqallija bdiet tikber ġmielha u nħass il-bżonn li tinstab art oħra li fiha setgħu jgħixu uħud minnhom. Brincat jgħid ukoll li l-Musulmani ma baqgħux Malta meta ħaduha taħt idejhom għax ma kellhomx bżonnha, ħlief għar-riżorsi tagħha li diġą ssemmew: l-artijiet fin-nofsinhar u fit-tramuntana tal-gżira kienu t-tnejn taħt idejhom u għaldaqstant ma kienx hemm għalfejn jinkwetaw fuqha.

 

Dwar kemm ġew nies f'dik is-sena ma nafux, iżda al-Ħimjarī jagħtina ħjiel tal-popolazzjoni ta' Malta ta' sitt snin wara meta l-Biżantini assedjaw il-gżira u ttantaw jerġgħu jeħduha f'idejhom. Il-kittieb jgħidilna li fl-1054, f'Malta kien hawn ma' l-erba' mitt Musulman u iktar minn erba' mitt lsir. Jekk ma dawn l-irġiel inżidu l-familji tagħhom, iċ-ċifra tqarreb il-ħamest elef ruħ.

 

Ir-Rawd u l-Ilsien Malti

 

L-ilsiera li kellhom il-Musulmani aktarx li la kienu Musulmani u lanqas Berberi jewarab. Brincat jissuġġerixxi li kienu Nsara Sqallin, ex-Insara Sqallin, u Slavi, kemm Insara u kemm mhumiex. Jekk dan huwa minnu inkunu sibna minn fejn ġie ċertu kliem ta' nisel Semitiku fil-Malti li huwa marbut mar-reliġjon Nisranija: knisja, qassis, qaddis (imma Santa Marija), u Nisrani. Dan aktarx ġabuh magħhom l-Insara minn Sqallija li kienu jitkellmu bl-Għarbi.

 

Barra minn hekk, jekk naċċettaw li bejn is-sena 870 u l-1048 ma kien hawn ħadd jgħix fuq Malta, allura jkollna ngħidu li aħna dixxendenti jew ulied il-Musulmani u l-ilsiera Sqallin u Slavi.  

 

Sa l-1990, l-istoriċi Maltin kienu jaħsbu li l-Għarab damu Malta mitejn u għoxrin sena, mit-870 sa l-1090. Skond al-Ħimjarī damu tnejn u erbgħin sena biss, mill-1048 sa l-1090. Madankollu, importanti ngħidu li meta l-Għarab ċedew lil Malta lin-Normanni tal-Konti Ruġġieru fl-1090, bħalma kienu għamlu diġą fi Sqallija, in-Normanni ma keċċewhomx minn Malta u fil-fatt, il-Musulmani baqgħu f'Malta daqs mija u sittin sena oħra sa l-1249 meta tkeċċew għal kollox. Tant kien hawn Musulmani f'Malta f'dik il-ħabta li rapport ta' l-1240 ta' l-Abate Giliberto jgħid li kien hawn iktar familji Musulmani milli Nsara f'Malta. U fl-1249 kienu l-Musulmani li tkeċċew, mhux l-Għarab. Seta' kien hemm Musulmani li bdew iħaddnu l-fidi Nisranija u għaldaqstant ma tkeċċewx.

 

L-ikbar misteru ta' l-istorja ta' l-ilsien Malti huwa x'kienu jitkellmu n-nies qabel ma tgħallmu l-Għarbi Sqalli ta' l-Aglabiti. Jidher li ma hemm ebda ħjiel ċar ta' Puniku fil-Malti ta' llum, u l-argumenti favur sostrat Latin jew Grieg ftit li xejn irieġu. Jista' jkun li dan il-vojt lingwistiku seħħ minħabba l-qtugħ u l-bidla drastika li kien hemm fil-popolazzjoni u l-kultura ta' l-abitanti ta' Malta bejn is-sena 870 u l-1048. Il-ġrajjiet li jikteb fuqhom al-Ħimjarī jispjegaw għaliex kien hemm bidla hekk sħiħa fil-lingwa.

 

Barra minn hekk, is-silta dwar Malta fir-Rawd ta' al-Ħimjarī tispjega wkoll għliex il-fdalijiet arkeoloġiċi minn żmien l-Għarab huma kważi ineżistenti. Il-kittieb jgħid li meta bdew jgħammru fuq Malta fl-1048, l-Għarab għamluha isbaħ milli kienet qabel ma ħarbtuha, iżda l-ħakma diretta tagħhom ma damitx iżjed minn tnejn u erbgħin sena u matulha kellhom iħabbtu wiċċhom ma' assedju kbir u aħrax tal-Biżantini. Fi tnejn u erbgħin sena, u f'dawk il-kundizzjonijiet, nissoponu li ma setgħux għamlu wisq, għalkemm qatt ma tista' tgħid jekk ma jkollokx xhieda konkreta.

 

Mistoqsijiet Li Għad Iridu Jitwieġbu

 

L-istudjużi Maltin ftit li xejn għandhom dubji dwar il-massakru li wettqu l-Musulmani mill-Maltin fis-sena 870: il-Musulmaniamlu l-istess ħaġa tmien snin wara f'Sirakuża. Id-dubji huma dwar kemm fil-fatt il-Musulmani qatlu jew kaxkru magħhom lil kulħadd minn Malta. Possibbli qagħdu jduru u jiflu kull rokna tal-gżira biex ma jaħarbilhom ħadd? Al-Ħimjarī nnifsu jgħid li l-Musulmani qerdu l-forti tal-gżira u serqu li setgħu mill-knejjes, iżda ma jsemmix imkejjen jew massakri oħra. Kien hemm min sostna li għadd ta' Maltin setgħu ħelsuha ħafif billi nħbew, ngħidu aħna, fl-għerien. Jekk dan huwa minnu, u rridu nammetti li jagħmel ftit sens, il-miġja qerrieda tal-Musulmani fis-sena 870 mhux bilfors qerdet lill-abitanti kollha tal-gżira minn fuq wiċċ id-dinja. Jista' jkun, għalhekk, li wħud minn dawk li jissemmew fiċ-ċifra ta' al-Ħimjarī ta' l-1054 huma nies li ħelsuha ħafif mill-massakru ta' mitejn sena qabel u baqgħu jgħixu bi kwiethom fuq il-gżira.

 

Al-Ħimjarī jgħid li l-Musulmani kienu jżuru Malta biex, fost l-oħrajn, jiġbru l-għasel. Jekk inhu veru li fuq il-gżira ma kien fadal ħadd, l-għasel kienu jagħmlu n-naħal waħedhom? U fl-aħħarnett, al-Ħimjarī jiddeskrivi lil Malta bħala "an uninhabited ruin": x'ried jgħid biha? Jista' jkun li kien qiegħed jirreferi għall-Musulmani biss? Din tista' tkun waħda mill-mistoqsijiet li se jipprova jwieġeb il-Professur Brincat fil-pubblikazzjoni ġdida li bi ħsiebu joħroġ fil-ġejjieni qarib dwar dan id-dokument.

 

 

© Adrian Grima

Ippubblikat f'Taħt il-Power Station, Nru. 2, Marzu, 1996


 

Lejn l-Ewwel Pagna | Back to First Page