|
Ladarba n-nazzjonijiet huma
essenzjalment narrazzjonijiet, hemm relazzjoni intima bejn l-arti
tan-narrazzjoni u l-kunċett tan-nazzjon. Benedict Anderson jgħid li
n-nazzjon huwa “komunità politika immaġinata” bħala limitata u sovrana. Hija
komunità mistħajla għax il-membri qatt m’huma se jsiru jafu lil ħafna minn
sħabhom il-membri l-oħra, jew imqar jiltaqgħu magħhom jew jisimgħu bihom.
Minkejja dan, f’moħħ f’kull wieħed u waħda minn dawn il-membri hemm din
ix-xbieha ta’ l-għaqda. Il-komunità nazzjonali hija sovrana għax
in-nazzjonijiet iridu l-ħelsien; barra minn hekk, in-nazzjon nimmaġinawh
bħala komunità għax dejjem nikkonċepuh bħala ħbiberija profonda u
orizzontali.
Nations, like narratives, lose their origins in the myths of
time and only fully realize their horizons in the mind’s eye.
Skond Homi Bhabha, din ix-xbieha
tan-nazzjon, jew tan-narrazzjoni, tista’ tidher “impossibbilment romantika u
metaforika żżejjed”, imma kien minn dawk it-tradizzjonijiet ta’ ħsieb
politiku u lingwaġġ letterarju li ħareġ in-nazzjon bħala idea storika
b’saħħitha fil-Punent, bħala idea li l-ġibda kulturali tagħha tinsab
fl-għaqda impossibbli tan-nazzjon mal-qawwa simbolika.
Il-Kuxjenza Etnika u l-Valuri Tradizzjonali tal-Bdiewa
Il-kittieba ta’ wara l-Indipendenza rreaġixxew kontra l-isterjotipi dwar
Malta li mlew il-letteratura romantika lokali u attakkaw b’mod speċjali
l-atmosfera oppressiva fl-irħula żgħar u magħluqin li ġew idealizzati
mill-kittieba ta’ qabilhom; imma xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn
ir-riformisti donnhom baqgħu jemmnu li l-post veru ta’ Malta jinsab (biss?)
fir-raħal rurali.
L-istoriku soċjali Carmel Cassar isib l-ewwel ħjiel tal-viżjoni romantika
tal-kultura rurali fis-seklu 18 u fil-kitbiet ta’ intellettwali bħal Ġ.F.
Agius De Soldanis (1712-1778) u Mikiel Anton Vassalli (1764-1829).
Fil-kitbiet tiegħu f’nofs is-seklu 18, il-kanonku Għawdxi Agius De Soldanis
ra l-kultura tal-bdiewa, b’nostalġija ċara, bħala l-kultura “vera”
tal-Maltin. Il-kuxjenza etnika ntrabtet mal-valuri tradizzjonali tal-bdiewa
minflok ma’ l-istil ta’ ħajja eteroġenja ta’ l-inħawi urbani l-ġodda u bdew
iħarsu lejha bħala lqugħ jew difiża kontra “t-theddida” minn barra.
L-eliminazzjoni tal-kultura urbana meqjusa bħala aljena “saffiet”
il-kategorija popolari u wittiet it-triq biex il-kultura tradizzjonali
tal-bdiewa sservi bħala bażi għall-kuxjenza etnika.
Min-naħa l-oħra, Vassalli, bħall-Ġakobini, għamel enfasi fuq “il-kriterju
etno-lingwistiku tan-nazzjonalità bħala waħda mill-kundizzjonijiet għal
ċittadinanza sħiħa.” Hu għaraf il-karattru uniku tal-lingwa tal-poplu u
emmen li n-nies li mhumiex parti mill-passat komuni – dawk li huma “aljeni”
– iridu jitqiegħdu ‘l barra mill-konfini tal-kultura nazzjonali. Fil-kunċett
nostalġiku tiegħu ta’ passat nazzjonali komuni hemm moħbija l-kultura
idealizzata tal-bdiewa assoċjata mal-ħelsien etniku tal-Maltin
Cassar jargumenta li “l-għoti ta’ karatteristiċi etniċi tista’ tħares lejh
bħala att ta’ reżistenza kontra l-modernizzazzjoni min-naħa tas-saffi aktar
konservattivi tas-soċjetà.” Il-kwalitajiet etniċi li esprimew din
il-pożizzjoni konservattiva bl-iktar mod effettiv kienu dawk tal-kultura
tal-bdiewa. “This image transcribes the notion of peasant society as being,
through the nature of their activity, extremely suspicious of all changes.”
Ir-Raħal Nazzjonali
Fir-rumanz Samuraj (1975) ta’ Frans Sammut, ir-raħal fejn isseħħ ħafna
mill-ġrajja huwa metafora ta’ Malta ta’ wara l-Indipendenza li qed tipprova,
u ħafna drabi ma jirnexxilhiex, tiffaċċja dik li Dennis Austin isejħilha
l-”ħruxija ta’ l-indipendenza”. Ir-Raħal maqtugħ u għadu lura huwa mifni
bin-natura bipolari ta’ l-istruttura soċjali tiegħu u fgat mill-Knisja
b’saħħitha. Il-komunità morali tqis il-fatt li l-protagonista jirrifjuta li
jġib ruħu bħall-oħrajn bħala sfida diretta għall-awtorità tagħha, u
r-reazzjoni aggressiva tagħha ġġiegħel lil Samwel jirrikorri għall-memorja
mnikkta imma fl-istess ħin sabiħa ta’ ommu għall-wens, bl-istess mod li
Malta, li suppost hija indipendenti, mhuwiex jirnexxilha tinfatam
mill-imgħoddi kolonizzat tagħha.
Ir-Raħal rurali tradizzjonali anonimu huwa dinja sħiħa fih innifsu,
bl-insularità tiegħu, bl-organizzazzjoni u l-ġerarkija soċjali u reliġjuża
tiegħu, u bil-politika tiegħu. Skond Oliver Friggieri huwa Malta sħiħa,
sostituzzjoni metaforika ta’ l-isem proprju. Waħda mill-indikazzjonijiet
tal-metaforiċità tar-Raħal hija l-fatt li, f’kuntest espliċitament Malti, hu
jibqa’ bla isem. Ir-”R” kbira fl-isem tagħti l-impressjoni li dan huwa
r-raħal Malti proprja, “ir-raħal nazzjonali”.
Id-distinzjoni fir-rumanz bejn ir-raħal u l-belt aktarx li hija reali għax
fiż-żmien li nkiteb, l-antropologu Olandiż Jeremy Boissevain ra differenzi
ċari fil-valuri, fl-ilbies u anki fid-diskors bejn dawk li jgħixu fl-inħawi
urbani madwar il-Belt u l-Port il-Kbir u dawk li jgħixu fl-irħula.
Min-naħa l-oħra, bejn l-irħula nfushom, Boissevain ra “omoġeneità kulturalli
ta’ l-għaġeb”, l-aktar minħabba l-influwenza unifikatriċi ta’ knisja
b’saħħitha f’soċjetà żgħira u relattivament iżolata. Il-knisja parrokkjali
tiddomina fuq id-djar miġburin madwarha u fuq ir-relazzjonijiet soċjali fi
ħdan ir-raħal. Boissevain jemmen li għal sekli sħaħ, il-knisja kienet
il-punt ta’ riferiment ewlieni għall-poter u l-awtorità fir-raħal u s-sors
ta’ gwida morali. Min-naħa l-oħra, mir-riċerka tiegħu dwar iż-żwieġ u
aspetti oħra tal-ħajja fit-tieni nofs tas-seklu 18, Frans Ciappara
jikkonkludi li għandna nirridimensjonaw il-poter kbir li mingħalina kellha
l-knisja matul l-aħħar mijiet ta’ snin fuq il-ħajja anki privata tal-Maltin.
Iżda Boissevain jattribwixxi wkoll l-omoġeneità kulturali ta’ l-irħula
lill-valuri kulturali simili li kellhom, il-lingwa, il-valuri morali u
fatturi li fuqhom jistrieħu l-prestiġju u l-klassi.
Bejn ir-raħal anonimu ta’ Samuraj u r-raħal mistħajjel ta’ San Rokku ta’
Il-Għar tax-Xitan (1973) ta’ J. J. Camilleri hemm xebh li jolqtok minnufih.
Fit-tieni paragrafu tar-rumanz, Camilleri jiddeskrivi ‘l San Rokku bħala
“daqsxejn ta’ raħal moħbi f’wied qalb il-għoljiet, [...] maqtugħ għalih
waħdu mid-dinja u jiġi bogħod ħafna mill-eqreb belt kbira. Tista’ tgħid li
l-biċċa l-kbira tad-djar huma mgeddsin qaqoċċa mal-knisja, neħħi xi ftit
irziezet imxerrdin ‘l hawn u ‘l hinn mal-wilġa;” għaldaqstant, bħal Malta
San Rokku huwa maqtugħ mill-pajjiżi l-kbar mimlijin attività u diversità
(“belt kbira”). Bejn San Rokku u l-belt it-triq kienet “twila ma tispiċċa
qatt;” għal Petriga il-belt kienet “in-naħa l-oħra tad-dinja.” Il-belt hija
barranija, differenti ħafna mir-raħal ta’ San Rokku u r-ritorn
tal-protagonista raġel Jumi Ħarr lejn pajjiżu jfisser li dak li kien “ta’
ġewwa” issa sar barrani u għaldaqstant l-isfida tiegħu għan-normi
tal-komunità magħluqa tar-raħal hija inqas skandaluża. Bħala barrani mhux
mistenni jġib ruħu bħal ta’ ġewwa, imma l-iżvantaġġ huwa li t-tentattivi
tiegħu biex jisfida l-viżjoni tad-dinja u d-drawwiet tan-nies tar-raħal
aktarx jitqiesu bħala irrilevanti għax ta’ ġewwa ma jemmnux li l-barranin
kapaċi jkunu jafu u jifhmu dak li qed iseħħ fuq ġewwa.
Meta jitkellem dwar il-belt, Il-Għar tax-Xitan huwa mimli bi sterjotipi li
jfakkruk fil-karikatura li jagħmel Juan Mamo f’Ulied in-Nanna Venut
fl-Amerka (1930-31) tal-mod kif emigranti illitterati Maltin mill-irħula
jħarsu lejn l-Istati Uniti. Fir-rumanz ta’ Camilleri,
il-kappillan kien iħobb isemmiha ta' sikwit il-belt
il-kbira mikula b'ħażen u skandli ta' l-għaġeb. Għal Dun Iddew il-belt
kienet ix-xempju tad-dinja, wieħed mit-tliet għedewwa qliel tal-bnedmin.
Il-belt kienet il-mudell
tad-dinja; iż-żewġ għedewwa ħorox l-oħra tal-bnedmin huma x-xitan u l-ġisem.
Missier Jumi Sidor jesprimi din il-fehma meta jikkonkludi li l-belt irvinat
lil ibnu u ġegħlitu jitlef il-fidi tiegħu, waqt li ommu, bħal Dun Iddew,
tibża’ mis-seħer maġiku tal-belt li tqarraq bik. Jista’ jkun li n-narratur
jaf b’dawn il-konċezzjonijiet żbaljati tal-belt, imma aktarx mhuwiex konxju
tal-mod superfiċjali kif ġiegħel lil Petriga, it-tfajla ta’ Jumi, tħares
lejn il-belt bħala post fejn ftit hemm spazju għall-valuri u l-morali.
Id-Diversità Kulturali u l-Eteroġeneità
L-identifikazzjoni ta’ Malta “proprja” ma’ rappreżentazzjoni konservattiva
tar-raħal rurali eskludiet ċerti karatteristiċi tal-ħajja Maltija li huma
marbutin mal-bliet ħajjin. Karatteristiċi ewlenin taċ-ċivilità urbana huma
d-diversità kulturali u l-eteroġeneità, il-koeżistenza ta’ għadd ta’ gruppi,
saffi u klassijiet soċjali bi drawwiet kulturali u modi ta’ ħajja
differenti. Fil-każ ta’ Malta, l-influss kbir ta’ barranin u ta’ nies
mill-irħula fiż-żoni urbani l-ġodda li beda fl-ewwel nofs tas-seklu 16
bil-wasla tal-Kavallieri f’Malta u ttrasforma lil Malta f’wieħed mill-iktar
ċentri attivi fil-Mediterran, “biddel il-karattru etniku tal-popolazzjoni” u
bil-mod il-mod ħoloq distinzjoni bejn il-mentalità urbana u dik tal-bdiewa.
Cassar jemmen li
urban culture did not simply renew or transform earlier
cultural practices, but organized them according to fundamentally new
principles based on a ‘market economy.’ Obviously city life, independently
of class attachments, ethnic identity and other traditional prejudices, was
looked upon by the indigenous population as ‘alien,’ right from the very
beginning of the Order’s rule.
Minn nofs is-seklu 16 żdiedet
b’mod impressjonanti ċ-ċirkolazzjoni tan-nies minn u lejn Malta u dan wassal
għall-ħolqien ta’ “atmosfera kosmopolitana li ħalliet il-marka tagħha fuq
il-karattru tal-Belt Valletta u għamlet il-ġid anki fil-kampanja,
speċjalment fl-attivitajiet kreattivi”.
Fil-qasam ekonomiku, il-Belt Valletta daħħlet il-modernità fil-Gżejjer
Maltin bi swieq li saru postijiet fejn jitħalltu n-nies u fl-istess ħin isir
in-negozju. B’dan il-mod, l-influwenza artistika u kulturali,
l-informazzjoni u l-aħbarijiet kienu jaslu anki sal-kampanja. Il-Belt, bħal
kull belt kapitali Ewropea oħra fil-perijodu modern bikri, kienet il-“power
station” ta’ dan it-tibdil kulturali. Flimkien mal-bliet l-oħra fl-inħawi
tal-Port il-Kbir, il-Belt immonopolizzat ir-riżorsi ekonomiċi u
amministrattivi ta’ l-istat il-ġdid: “Tant kienet qawwija l-influwenza
tal-belt kapitali li l-mod ta’ ħajja rurali fil-manifestazzjonijiet tiegħu
kollha twaħħad simbolikament ma’ nuqqas ta’ suċċess kulturali, fehma li
kienet partikularment mifruxa fost l-iktar intellettwali influwenti.”
Malta ma tistax tinfired mill-Baċir li tinsab fih. Il-Mediterran huwa reġjun
ta’ vvjaġġar u kuntatti, ta’ skambji soċjali, kulturali u ekonomiċi u
kunflitti antiki; il-ġeografija u l-istorja ħadmu biex il-kulturi tal-popli
u l-viżjonijiet tagħhom tad-dinja jinfluwenzaw u jħallu lilhom infushom jiġu
influwenzati minn xulxin u mill-popli li daħlu fil-Mediterran minn barra
biex jagħmlu l-kummerċ bl-oġġetti u bl-ideat u biex jiġġieldu l-gwerer. Qatt
daqs illum ma konna konxji ta’ kemm l-esperjenzi storiċi u kulturali huma
“ibridi b’mod stramb”,
of how they partake of many often contradictory
experiences and domains, cross national boundaries, defy the police action
of simple dogma and loud patriotism. Far from being unitary or monolithic or
autonomous things, cultures actually assume more ‘foreign’ elements,
alterities, differences, than they consciously exclude.
Qari mill-ġdid tal-metafori li
jagħtu struttura lill-kunċett ta’ Malta ma jistax jinjora lil din
l-ibridità: jekk il-metafora ta’ Malta bħala raħal jew bħala omm, ngħidu
aħna, ma tqisx l-irwol tal-gżira bħala wieħed mill-iktar ċentri attivi
fil-Mediterran; u jekk ma tqisx l-ibridità inerenti fil-biċċa l-kbira ta’
l-esperjenzi storiċi u kulturali, irridu nistaqsu għaliex u x’inhuma
l-konsegwenzi fuq il-mod kif “naħsbu” lilna nfusna.
Qari/Kitba mill-Ġdid ta’ l-Istorja Tagħna
Id-deċiżjoni ta’ komunità li “tirrakkonta lilha nfisha” tfisser li qed
“twettaq” il-jedd li għandha fuq l-istorja tagħha permezz ta’ l-att
liberatorju tan-narrazzjoni. Fin-nuqqas ta’ narrazzjoni orali mifruxa,
il-letteratura trid terfa’ responsabbiltà tabilħaqq kbira: kull
ġenerazzjoni, jgħid Quasimodo, trid tiffaċċja l-problema li ssib il-lingwaġġ
tagħha; it-tiftixa għal lingwaġġ ġdid hija mhux biss leġittima imma
indispensabbli.
Il-proġett “Bliet (u Miti)” ta’ Inizjamed, u sa ċertu punt anki l-proġett
“Cityspaces” ikkoordinat mill-artist Raphael Vella, għandu l-għan li jagħmel
proprju dan, li jaqra u jibni mill-ġdid “l-istorja”, l-immaġinarju
nazzjonali Malti.
Awwissu 2002
Dan l-artiklu ġie
ppubblikat l-ewwel darba f'Awwissu ta' l-2002 fuq il-website ta'
Babelmed.net |
|