Salm 3

Talba ta’ filgћodu:

Qum, Mulej, salvani

Dan is-salm hu talba ta’ filgћodu fil-liturġiji orjentali u talba ta’ fil-gћaxija (fil-bidu ta’ jum ġdid) gћal-Lhud axkenażiti (ta’ l-Ewropa ta’ fuq). Hu salm qasir , bejn ilment u fiduċja li kif jgћid v 1 ћareġ minn fomm David fl-aktar mument drammatiku ta’ ћajtu, meta kien mhedded minn ibnu Absalom li qam kontrih. Tara fih wiċċ David imnikket, bid-dmugћ iġelben ma’ ћaddejh. "U David qal lill-qaddejja kollha tiegћu li kienu miegћu f’Ġerusalemm: "Qumu, ћa naћarbu, gћax m’hemmx ћelsien gћalina minn quddiem Absalom. Fittxu gћaġġlu, li ma jgћaġġilx aktar minna u jilћaqna u jġib il-ћsara fuqna, u jaћbat gћall-belt u jgћaddiha minn xifer ix-xabla." (2 Sam 15, 14).

Hi gћanja li fiha kulћadd iћossu rappreżentat. Mhix ambjentata f’kamra fejn wieћed jorqod u jqum imma f’ġemgћa, f’liturġija. U li wieћed joqgћod u jqum ifakkrek fir-rit ta’ l-inkubazzjoni li nsibu f’ambjenti reliġjużi tan-nofs qamar; gћal dan jixhdu xi salmi u t-talba ta’ Salamun fis-santwarju ta’ Gibgћon: "F’Gibgћon il-Mulej deher lil Salamun fil-ћolm billejl, "Itlobni x’nagћtik" qallu Alla. U wieġbu Salamun: "Int wrejt tjieba kbira mal-qaddej tiegћek David missieri…Agћti gћalhekk lill-qaddej tiegћek moћћ ћafif biex jifhem…" ( Slat 3, 5.9).

Kif jinqasam

Gћandna tlett atturi:

Huma, vv 2-3, jew l-gћedewwa li huma f’gћadd kbir

Inti, vv 4-5, JHWH, waqt li huma jużaw Elohim, isem ġeneriku

Jiena. vv 6-7, Min qed jitlob, qisu qed jagћti b’martell, gћal 16-il darba.

Sejћa ta’ l-aћћar: vv 8-9, tissopponi, wieћed maћqur, bosta gћedewwa, Alla wieћed, talba waћda u rebћa waћda, dik tal-Mulej.

Simboliżmi

F’dan il-qosor ta’ salm gћandna ġabra ta’ simboli li jagћmluh ћaj u interessanti. L-ispazju hu maqsum f’dak orizzontali u dak vertikali. L-orizzontali gћandu l-jien bћala ċentru mdawwar mill-gћedewwa v 2, taћt il-ћarsien ta’ JHWH v 4. Il-vertikali hu mfisser mill-verbi, tqum, terfa’, l-gћolja – kollha sinjali ta’ rebћa u ћajja.

Simbolu ieћor hu dak militari – gћedewwa, tarka, poplu sћiћ madwaru f’assedju, gћajjat ta’ gwerra. It-tielet simbolu jinsab fil-verbi wieћed kontra l-ieћor bћal, torqod - tqum, bilqegћda - wieqaf : huma l-eżistenza sћiћa tal-bniedem, nagћas u sahra, rieqed u mqajjem, (jew inkubazzjoni sagra) li minkejja l-biża’ ta’ l-gћedewwa li qed idawwruh, huwa jistrieћ u jorqod gћax hu JHWH li jżommu (v 6). Gћalhekk bosta eżeġeti jilmћu fih is-sultan lhudi li, paċi jew gwerra, rasu mistrieћa li JHWH hu l-kmandant il-kbir ta’ l-eżerċtu (minћabba fl-Arka tal-Patt) li ser iżommu.

L-aћћar simbolu hu dak tal-kaċċa: kissrilhom snienhom (v 8), li wieћed isieћbu ma’ bhima selvaġġa, li thedded, li tqarmeċ taћt snienha l-priża u, gћall-kuntrarju, li tagћha jkunu mkissra. Dan is-simbolu nsibuh spiss fis-salmi u jalludi wkoll gћall-kalunnja li bћal bhima selvaġġa tqatta’ u toqtol. (SS 5, 10; 10, 7; 31, 19; 58, 7; 63, 12; 140, 4).

Eżiġesi

Huma -- l-gћedewwa, vv 2-3

Is-salm jiftaћ bi kliem qawwi u drammatiku u jiddeskrivi qagћda li spiss niltaqgћu magћha fis-salterju: "Ara kemm kotru l-gћedewwa tiegћi" – S 25, 19. Huma jagћfsu fuqu u ma jagћtuhx nifs bћal min qed jagћfsek minn gћonqok biex jifgak. Imma kontra dan l-ispazju strett u li jifgak, hemm il-beraћ. Fil-verb ġuridiku u militari, ‘qamu gћalija’ (qwm) hu attakk li jheddidlu ћajtu, u se jkun hemm JHWH li jqum biex jeћilsu u jrebbћu (v 8).

Gћal tlett darbiet gћedewwa kotrana jqumu kontrih, hu li hu waћdu, bla gћajnuna, iћossu iżolat, anke Alla ћallieh. Diġà qrawhielu ‘mhemmx salvazzjoni gћalih f’Alla’ (v 3) gћax Alla telqu; hu s-skiet ta’ Alla li bih l-gћedewwa jitkabbru waqt li gћas-salmista hu piż li ma jiflaћx jerfa’ u gћalhekk isejjaћ u jerġa’ jsejjaћ ’l Alla. Nistgћu naћsbu f’David jaћrab minn ibnu Absalom, f’Gob imdawwar mill-ћbieb li ma jifhmuhx (Ġb 16, 2), f’Ġeremija u ‘il-biża’ madwari’ (Ġer 20, 10) fil-Qaddej ta’ JHWH (Is 53, 3) u f’Gesù msallab, "Salva oћrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva!" (Mt 27, 43).

Hu – Alla, vv 4-5

Il-qalba tas-salm qegћda hawn, f’Alla. L-‘imma’ timmarka bidla fix-xena gћax issa daћal Alla, u minn dlam isir dawl, flok it-tbatija tidћol it-tama. ‘Imma int’ tiddomina x-xena. Hu waћdu se jeћodha mal-kotra ta’ l-gћedewwa, hu ‘tarka’, u flok is-suppervja tagћhom li thedded, tiddi l-glorja ta’ Alla, biex dawk li gћollew rashom issa jkollhom ibaxxuha quddiem min JHWH jћobbu u jgћinu. It-tarka, simbolu tal-ћarsien ta’ Alla, kienet tgћatti ’l bniedem madwaru kollu hekk li kienet ћaġa iebsa tilћqu b’xi gћaodda tal-ġlied, xabla jew vleġġa.

Din ix-xbieha nistgћu naqrawha fid-dawl ta’ l-Gћid nisrani u naraw ’il Kristu mgћolli ’l fuq wara t-tbatija u l-mewt tiegћu fuq is-salib. "U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed lill-bnedmin kollha lejja" (Ġw. 3, 14; 12, 32; Fil 2, 8-9).

Hu żgur li Alla jisimgћu, jgћolli talba ta’ qsim il-qalb, tnehida (qarah). "Gћolli leћnek… biex jisma’ dak li hemm fil-qiegћ ta’ l-esseri tiegћek, dejjem hemm dak ix-xi ћadd, Alla" jikteb S. Wistin fil-marġni tal-kumment tiegћu gћal S 103, 2. "Mill-gћolja mqaddsa jweġibni" v 5 – linja vertikali, tempju ta’ Sijon u tempju tas-sema, u t-talba issir aktar liturġika, minn talba privata gћal talba tat-tempju, issir talba ћierġa mill-qalb ta’ poplu sћiћ miġbur fuq l-gћolja ta’ Sijon.

Jien – min qed jitlob, vv 6-7

L-gћażiż ta’ Alla jidћol fit-tempju u f’dehra billejl, Alla jwieġbu. Dak Alla li s’issa kien sieket u l-gћedewwa iddieћku bih u bis-salmista, issa jitkellem. Nistgћu wkoll nissopponu li l-lejl u n-ngћas jieћdu valur ta’ dawl bћal f’Ġob 3, 4-10: il-lejl hu ћdan il-mewt, bћall-kaos primordjali, li jitqabad mal-ћolqien u l-esseri, imma l-jum hu l-ћajja. Kull jum ġdid li jżernaq hu bidu ta’ ћolqien ġdid, evidenza tar-rebћa mdawla ta’ Alla fuq il-baћћ. Waqt li madwar is-salmista hemm taqbida bejn it-tajjeb u l-ћażin, tempesta qalila ta’ assedju, hu jorqod u jqum, gћax Alla jishar u jġiegћel il-jum jisbaћ. Se naraw fis-Salm 4 kif il-Mulej iqegћdu fis-sod, v 8.

Dawn l-azzjonijiet kollha jseћћu waћda wara l-oћra b’ћeffa. U dan jimla’ qalb min jemmen b’fidi u fiduċja li jintelaq gћal kollox f’Alla. "Mqar jekk eżerċtu jqum gћalija, xejn ma tibża’ qalbi; mqar jekk gwerra tqum kontrija jien nibqa’ qalbi qawwija" S 27, 3. "Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agћmlu l-qalb; jiena rbaћt id-dinja" (Ġw. 16, 33).

L-Innu ta’ l-Aћћar, vv 8-9

"Qum" nistgћu naqrawha f’żewġ sensi. Qum, Alla, li s’issa dehert rieqed u l-gћedewwa kasbruni u iddieћku bik u bija, jew stenbaћ wara s-skiet. Imma it-tieni sens hi l-gћajta tal-battalja li biha l-Iżraeliti jmorru biex jattakkaw il-qagћdiet ta’ l-gћadu. Gћall-gћajta tas-salmista l-gћedewwa jaћarbu gћax jafu li l-kmandant ta’ l-eżerċtu se ‘jqum’ biex ‘isalva’. "Qum, Mulej, salvani, Alla tiegћi!"

Il-korla ta’ Alla titћallas mill-gћedewwa li jirgћexu bil-mistћija; bћall-kaċċatur jintefa’ fuqhom biex jaћtfilhom il-priża u jkissrilhom snienhom: hi ġustizzja li titћallas skond il-liġi tat-taljun (gћajn b’gћajn, sinna b’sinna). Il-fiduċja tas-salmista hi hekk kbira li gћalih Alla digà qed jitћallas mill-gћedewwa tiegћu.

V 9 hu gћalhekk gћajta ta’ rebћa, gћeluq liturġiku tas-salm u wieћed mis-salmi tal-komunità li titlob. Minn talba personali gћaddiet gћal talba ta’ sultan, u gћal talba tal-poplu miġbur fit-tempju. Jekk is-salvazzjoni hi tema ewlenija ta’ l-gћanja, il-barka hi l-gћeluq liturġiku. Mqar jekk Alla tal-Bibbja hu l-awtur tas-salvazzjoni u tal-barka, kif jgћid ir-Rabbi Rashi (11 il-seklu) "Is-salvazzjoni hi ta’ Alla waћdu, imma l-poplu jeћtieġ li jbierek ’l Alla."

Dun Ġorġ Mangion, illum 30 ta’ Ottubru 2007

Mill-Kitbiet ta’ Dun ĠorġNisġa