|
L-awtur żagħżugħ mill-Galizja, Miro Villar, rebbieħ ta’ l-ewwel
edizzjoni tal-Premio Tivoli Europa Giovani għal ktieb tal-poeżija fl-1998
u finalista fl-1999, se jkun Malta biex jieħu sehem fiż-żewġ attivitajiet
letterarji ewlenin ta’ Inizjamed għal din is-sena li huma parti
mill-proġett “Bliet (u Miti)”.
Dawn
il-lejliet, li fihom se jieħdu sehem mill-aħjar kittieba f’Malta llum, se
jsiru Couvre Porte, Il-Birgu, il-Ħamis 29 u l-Ġimgħa 30 ta’ Awwissu,
fit-8.30pm. Id-dħul huwa b’xejn.
Miro Villar se jagħti wkoll tliet workshops ta’ kitba kreattiva
fil-Kavallier ta’ San Ġakbu għal kulmin jinteressa ruħu fil-letteratura.
Dawn se jsiru l-Erbgħa 28 ta’ Awwissu bejn l-10.00am u n-12.30pm u bejn
is-7.00pm u d-9.30pm; u s-Sibt filgħodu bejn l-10.00am u n-12.30pm.
Il-prezz huwa ta’ Lm10 għat-tliet sessjonijiet jew Lm4 għal kull
sessjoni.
Il-Ħamis, 29 ta’ Awwissu, Miro Villar se
jkun wieħed mill-kelliema ewlenin f’forum pubbliku dwar l-identità
kulturali u l-miti li joħolquha. Il-kelliema l-oħra se jkunu Adrian Grima,
kritiku letterarju u koordinatur ta’ Inizjamed, li se jitkellem dwar
in-“nazzjon” bħala “rakkont” u dwar l-implikazzjonijiet tal-metafora ta’
Malta bħala raħal rurali fil-letteratura Maltija; u l-antropologu Dr.
Mark-Anthony Falzon (fir-ritratt), li se jitkellem dwar
il-kosmopolitanizmu. Dal-forum se jsir bil-Malti.
Fil-lejla tal-Ħamis, se jinqraw ukoll għadd ta’ xogħlijiet
letterarji mhux ippubblikati minn awturi stabbiliti u oħrajn ġodda
bit-tema “Bliet (u Miti)”, fosthom Victor Fenech, Henry Holland, Immanuel
Mifsud, Ġorġ Peresso, Leslie Vassallo, u Karen Vella. Ix-xogħlijiet se
jkunu kollha bil-Malti.
Il-Ġimgħa, 30 ta’ Awwissu, Miro Villar se jippreżenta
sensiela ta’ poeżiji ġodda flimkien ma’ 29 slajd tal-fotografu
mill-Galizja, Xan Muras. Il-preżentazzjoni jisimha “Diapoesia” u hija
xhieda tal-ħila ta’ Villar li jlaqqa’ l-letteratura tiegħu ma’ forom oħra
ta’ l-arti, l-aktar il-mużika, il-pittura u l-fotografija.
F’din
il-lejla se jsiru “rappreżentazzjonijiet letterarji” ta’ xogħlijiet ġodda
bil-Malti ta’ Stanley Borg, Norbert Bugeja, Maria Grech Ganado, Adrian
Grima u Simone Inguanez, bis-sehem ta’ l-atturi Romina Cachia, Ray Calleja
u Marcelle Teuma, il-mużiċisti Jonathan Grima u Vince Fabri, u l-artisti
Savio Deguara u William Azzopardi (fir-ritratt).
Fi “Bliet (u Miti)” tal-Ġimgħa se jieħu sehem ukoll Joseph Vella,
sassofonista ewlieni li tant ħalla impressjoni tajba meta daqq fil-lejla
“Gżejjer” imtellgħa minn Inizjamed waqt il-festival Evenings on
Campus ta’ l-2001 organizzat mill-KKU. Matul il-lejla voluntiera
tal-ħanut tal-kummerċ ġust L-Arka se jkunu qed ibigħu CDs ta’ mużika
etnika mid-dinja kollha.
Miro Villar twieled
fl-1965. Huwa l-awtur u l-editur ta’ għadd kbir ta’ kotba u huwa wkoll
kritiku letterarja li jispeċjalizza fil-letteratura tal-Galizja. Qed
jippubblika sensiela ta’ kotba għat-tfal dwar Carlota, a Marmota
(Xerais, 2000) u f’Settembru għandu joħroġ ktieb ta’ poeżiji tiegħu
ispirati minn sensiela ta’ ritratti ta’ sajjieda mill-Galizja bl-isem ta’
Gameleiros. Miro Villar huwa l-president attwali tal-“Batallón
Literario da Costa da Morte”, u minbarra l-Premju Tivoli rċieva għadd ta’
premjijiet importanti oħra għall-kitba tiegħu. Ix-xogħlijiet tiegħu nqalbu
f’għaxar lingwi differenti.
Iż-żewġ lejliet ta’ “Bliet (u Miti)” qed jittellgħu minn
Inizjamed bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, Bay Street Hotel,
NSTS, il-ħanut L-Arka ta’ 306, Triq San Pawl il-Belt, is-Segretarjat
Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u l-Kavallier ta’ San
Ġakbu.
Matul
il-lejliet tal-Ħamis u tal-Ġimgħa, se jkun bar b’ikel u xorb Malti.
Għal aktar tagħrif
dwar il-workshops u dwar l-attivitajiet ta’ “Bliet (u Miti)” ikteb lil inizjamed@maltaforum.org jew
ikkuntattja lil Stanley Borg fuq 7959 5290 jew lil Adrian Grima fuq 2137
6941. L-indirizz postali huwa Fair Haven, 40, Triq Pawlu Ebejer,
Ħad-Dingli. RBT 11. Żur ukoll il-website http://inizjamed.cjb.net/.
Adrian Grima
Koordinatur, Inizjamed
Is-16 ta’ Awwissu, 2002
|
|