Bliet (u Miti)

Sejħa lill-Awturi


Dawk l-awturi li jixtiequ jieħdu sehem fl-attività artistika ewlenija ta’ Inizjamed għal dan is-sajf huma mistiednu jibagħtu poeżiji jew kitbiet qosra ta’ proża ispirati minn qari mill-ġdid ta’ l-istorja tagħna bħala poplu. Importanti li dawn il-kitbiet ikunu bil-Malti u qatt ma jkunu xxandru qabel.

Dan il-proġett, li beda f’April u li fih hemm involuti numru ta’ awturi atturi, pitturi, skulturi u mużiċisti, jismu “Bliet (u Miti)” għaliex din it-tema ta’ l-interpretazzjoni mill-ġdid ta’ l-istorja u l-identità tagħna bħala poplu rbatnieha mal-figura tal-belt marittima Maltija.

Aħna se nkunu qegħdin naħdmu l-Birgu, bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-lokal u s-sindku John Boxall, iżda dan il-proġett mhuwiex dwar il-Birgu. Naturalment uħud minna tnebbħu mill-figura ta’ din il-belt marittima Maltija ewlenija iżda t-tema tibqa’ l-interpretazzjoni mill-ġdid ta’ l-istorja u l-identità tagħna bħala poplu.

Il-preżentazzjoni tal-kitbiet li jintgħażlu minn Inizjamed, bis-sehem ta' l-awtur Spanjol mill-Galizja Miro Villar, se ssir fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu u nittamaw li noħorġu pubblikazzjoni bil-kitbiet. Għaldaqstant il-kitbiet iridu jaslulna, preferibbilment bl-email, sal-5 ta’ Awwissu, 2002, f’dan l-indirizz: inizjamed@maltaforum.org. L-indirizz postali huwa 325, Triq Tonna Barthet, Pmebroke, STJ 14; in-numru tal-fax huwa 21 373272.

Għal aktar tagħrif iktbilna jew ċempel lil Adrian Grima (2137 6941) jew lil Karsten Xuereb (2137 2993). [ikompli]


Adrian Grima

It-8 ta' Lulju, 2002

Għall-Ewwel Paġna | Back to the First Page