Għażla Mediterranja

F'waħda mill-iktar siltiet interessanti u provokattivi tal-ktieb tiegħu, Mediterraneo - Un Nuovo Breviario, Predrag Matvejevic jgħid li l-"mediterranjetà" mhix xi ħaġa li tiret imma xi ħaġa li tikseb; mhix vantaġġ imma deċiżjoni. Li tkun mediterranju jew mediterranja hija għażla. Malta qed tagħżel, bl-iktar mod ċar, li ma tkunx. Minkejja li aħna mgħarrqin fil-Mediterran u dak kollu li nassoċjaw miegħu, l-aspirazzjonijiet tagħna bħala poplu jinsabu fl-Ewropa jew fid-dinja virtwali ta' l-Istati Uniti li qegħdin ibellgħulna mill-mezzi tax-xandir.

Il-fatt hu li Malta teħtieġ tiġdid kulturali mill-qiegħ. Kif? Il-ħsieb wara dan il-Premju huma indikazzjoni. Fil-Mediterran qed jittieħdu ħafna inizjattivi kulturali, politiċi, ambjentali u soċjali li permezz tagħhom il-Mediterranji qegħdin iġeddu l-wirt għani li għandhom u joħorġu bi proposti interessanti għall-preżent u l-futur. Ngħidu aħna f'diskors li għamlet dan l-aħħar f'Malta, l-istudjuża żagħżugħa Elisabetta Bucolo tkellmet dwar il-mod kif matul iż-żminijiet, il-komunitajiet tradizzjonali fil-Mediterran ħolqu ekonomija li fiha l-persuni u r-relazzjonijiet bejniethom jiġu qabel il-prodott innifsu jew il-funzjoni tal-persuna fit-transazzjoni ekonomika. Hija tip ta' ekonomija li tirrispetta lill-bnedmin u lill-ambjent bil-wisq iktar mill-ekonomija tas-suq. L-ekonomija solidali moderna tista' tqabbad ma' dawn l-għeruq fondi li diġà jeżistu u toffri alternattiva reali u konkreta għall-isqaq magħluq ta' l-ekonomija tas-suq.

Fi ktieb qawwi bl-isem ta' Lo Sviluppo Insostenibile. La crisi del capitalismo nelle aree periferiche: il caso del Mezzogiorno, il-ħabib tiegħi Tonino Perna jisħaq li wasal iż-żmien li n-Nofsinhar ta' l-Italja jerġa' lura lejn il-Mediterran. Kulma jmur, il-Mezzogiorno qiegħed jintegra ruħu ma' l-inħawi b'saħħithom tan-Naħa ta' Fuq u jnaqqas l-iskambju ekonomiku tiegħu mal-pajjiżi tal-Mediterran. Fuq il-livell kulturali, l-omologazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda qatgħethom sew mill-"għeruq" Mediterranji tal-kultura tan-Nofsinhar u din il-ħarba mill-Mediterran żiedet fil-pass tagħha minħabba l-ideoloġija ewroċentrika.

 F'Malta l-qagħda hija simili, bid-differenza importanti li fin-nofsinhar ta' l-Italja hemm ħafna inizjattivi interessanti ta' tiġdid kulturali waqt li f'Malta dawn l-inizjattivi huma ftit u la għandhom għeruq fondi u lanqas appoġġ popolari.

Dan it-tiġdid irid jiġi minna. F'dan is-sens, il-kwistjoni tar-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-UE hija kwistjoni "falza". Nidħlu jew ma nidħlux, nistgħu nagħżlu (kif qed nagħżlu bħalissa - biżżejjed tħares lejn il-ġennata tal-korsa tal-golf jew l-istat tal-Malti) li nibqgħu neqirdu l-wirt ambjentali u kulturali tagħna.

Kultant nissuspetta li d-diskussjoni dwar l-UE imponejnieha fuqna nfusna biex inserrħu l-kuxjenza li kwistjonijiet serji dwar il-kummerċ, dwar il-kultura u dwar l-ambjent qegħdin (speċi ta') niddiskutuhom. Hija ħasra kbira li l-partiti l-kbar m'għandhomx il-ħila joħolqu ambjent ta' diskussjoni li jirrifletti l-firxa u l-kumplessità ta' l-għażliet li għandna quddiema, għażliet li għandhom x'jaqsmu, imma li jmorru wkoll lilhinn, mis-sħubija fl-UE. Nissuspetta li l-partiti l-kbar ma jafux jaraw l-affarijiet mod ieħor, jiġifieri b'modi li jmorru lilhinn mis-simplifikazzjonijiet redikoli ta' tajba/ħażina, jaqbel/ma jaqbilx, nidħlu/ma nidħlux, u l-bqija.

Id-deċiżjonijiet dwar il-kultura tagħna, u hawn nifhem kultura f'sens wiesa' ħafna, la jistgħu jiħduhom għalina minn Bruxelles u lanqas mill-Isvizzera. Nirrealizza li d-diskors dwar il-Mediterran u dwar il-kultura u l-identità huwa diskors kumpless ħafna. Iżda dad-diskors xi darba jrid jibda f'Malta, għax qabel ma nibdew nistħarrġu r-realtajiet ambjentali u kulturali mediterranji tagħna ma nistgħux nipproponu politika li tirrifletti l-wirt u l-potenzjal tagħna bħala individwi u bħala poplu.

Adrian Grima

Mejju, 2000

 Ippubblikata bħala daħla għall-ktejjeb Kitbiet mill-Mediterran (Inizjamed, KKU, 2000)


Il-Mediterran (Maps.com)

Lura lejn l-Ewwel Paġna