L-organizzazzjoni kulturali mediterranja Inizjamed, bi sħab mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, se tmexxi kors ta' tmien sessjonijiet ta' siegħa u nofs il-waħda li fihom tistħarreġ il-funzjoni tal-letteratura u s-sehem determinanti tal-qarrejja fil-qari u fil-"kitba" tat-test letterarju.

 

F'kull waħda mit-tmien sessjonijiet, l-awturi mistiedna se jiddiskutu silta minn rumanz jew novella li jkunu kitbu kemm permezz ta' "intervista" kif ukoll permezz ta' diskussjoni miftu ħa mal-parteċipanti tal-kors li se jintalbu jaqraw ix-xogħol letterarju jew parti minnu minn qabel.

 

Il-kittieba mistiedna huma Frans Sammut, Alfred Sant, Oliver Friggieri, Immanuel Mifsud, Henry Holland (fir-ritratt fuq il-lemin), Trevor Żahra (fir-ritratt isfel), u Ġużè Stagno (fir-ritratt, fuq).


Dan il-kors għandu jinteressa lil dawk li jħobbu jaqraw u jixtiequ jesploraw aktar id-dinja tal-letteratura u lil dawk li jiktbu jew huma mħajrin jibdew jiktbu. M’hemm bżonn ta’ ebda kwalifiki: l-importanti li dawk li jattendu jkunu interessati fil-letteratura u jixtiequ jitgħallmu aktar dwarha.

 

Il-kors jibda fit-22 ta’ Ottubru, 2002, u s-sessjonijiet ikunu nhar ta' Tlieta bejn is-6.00pm u s-7.30pm fl-Iskola Primarja B ta’ San Bastjan fi Triq Manwel Dimech, Ħal Qormi. 

 

Il-ħlas issussidjat għall-kors kollu huwa ta' Lm8. Fi tmiem il-kors, il-parteċipanti li jkunu attendew regolarment u ħadu sehem b’mod attiv jingħataw ċertifikat. Il-postijiet huma limitati. Jista' japplika wkoll min ma joqgħodx Ħal Qormi.

 

Il-koordinazzjoni tal-kors min-naħa ta’ Inizjamed tinsab f’idejn Stanley Borg, kittieb żagħżugħ li qed jaħdem fuq it-teżi tal-Masters fil-Letteratura Ingliża; u Adrian Grima, li jgħallem il-letteratura Maltija fil-Junior College u l-Fakultà ta’ l-Arti ta’ l-Università ta’ Malta.  

 

Ħajr speċjali lill-għalliema Bernard Cauchi, Steve Gatt u Ruth Vassallo tal-kontribut importanti tagħhom fid-diskussjonijiet li saru biex tfassal il-kors u lill-kunsillier Kenneth Busuttil u lis-Sur Victor Agius min-naħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u ħadu interess f’din l-inizjattiva.

 

Inizjamed   

Inizjamed hija organizzazzjoni kulturali mediterranja li twaqqfet fl-1998 bil-għan li tmexxi proġetti artistiċi u kulturali “impenjati” u biex tkattar il-kollaborazzjoni bejn artisti u attivisti kulturali Maltin u barranin. Inizjamed hija partikolarment interessata fil-kulturi u fl-inizjattivi tas-soċjetà ċivili fil-Mediterran u hija membru fil-kumitat li jmexxi l-Bjennali ta’ l-Artisti Żgħażagħ ta’ l-Ewropa u l-Mediterran.

 

Barra minn Malta, Inizjamed ħadet sehem f’avvenimenti kulturali u artistiċi li seħħew, fost l-oħrajn, f’Ruma, Sarajevo, Torino, it-Turkija, Marsilja, Valladolid, u Katanja. F’Malta Inizjamed mexxiet proġetti bħal Fabbrikazzjoni, Gżejjer, u Kitbiet mill-Mediterran, u bħalissa qed tmexxi proġett ta’ sitt xhur iffinanzjat mill-Unjoni Ewropa li fih grupp ta’ żgħażagħ qegħdin jużaw materjal mormi biex jibnu logħob tradizzjonali Malti u Għawdxi. Dal-proġett jismu “Ri-Kreazzjoni”. Inizjamed organizzat żewġ korsijiet għal dawk li jixtiequ jiktbu letteratura għat-tfal u żewġ sensiliet ta’ workshops għal kittieba nisa. F’dawn l-aħħar snin, Inizjamed ġabet Malta għadd ta’ artisti, kittieba u attivisti kulturali minn Sardenja, Reggio Calabria, Katanja, l-Iskozja, Spanja, il-Finlandja, u Wales.

 

Biex Tapplika

 

Għal aktar tagħrif ikteb lil inizjamed@maltaforum.org jew 325, Triq Tonna Barthet, Pembroke. STJ 14 jew ara l-website http://inizjamed.cjb.net tista’ wkoll iċċempel fuq 2137 6941 jew 7959 5290. In-numru tal-fax huwa 2137 3272. Il-ħlas jista’ jsir permezz ta’ ċekk maħruġ f’isem “Inizjamed” u mibgħut fl-indirizz imsemmi.

 

 

Stanley Borg

Adrian Grima

Settembru, 2002

 

Għall-Ewwel Paġna | Back to the First Page