|
Clare Azzopardi
twieldet San
Ġiljan fil-5 ta' Lulju, 1977. Temmet l-istudji tagħha fl-Edukazzjoni
fl-Università ta' Malta fl-1999 u llum hija għalliema tal-Malti fl-iskola
sekondarja tal-bniet Sir Luigi Preziosi. Clare hija attiva ħafna
f’Inizjamed: kienet il-koordinatriċi ta’ żewġ korsijiet għal min irid jikteb
letteratura għat-tfal
u żewġ sensiliet workshops għall-kitba tan-nisa. Xi xogħlijiet tagħha
ntgħażlu biex jinqraw waqt attivitajiet letterarji mtellgħa
minn Poeżijaplus u Inizjamed. Clare tat sehemha wkoll fil-kitba tal-kotba
edukattivi Prosit u Skaluni u l-poeżiji tagħha dehru f’Illejla
Ismagħni Ftit (2001). Fl-2002 bdiet l-istudji tagħha tal-Masters ma’
l-Università ta’ Sheffield fl-Ingilterra.
"Taħt
l-Inċirata"
-
kitba ta' Clare Azzopardi u Claudia Fiorini.
"L-esperiment li jiena u Claudia ppruvajna, dak ta’ proża u poeżija mħallta
f’daqqa f’test letterarju wieħed, spunta minn
idea li kienet tatna l-poetessa Menna Elfyn. F’wieħed mill-workshops konna
ktibna poeżija, partatnieha mal-persuna li kien hemm ħdejna u weġibna
lill-istess persuna b’poeżija oħra. Jien u Claudia dakinhar konna ħdimna
flimkien. L-esperiment kien għoġobna tant li bqajna naħdmu fuqu. Hi kienet
tibgħatli l-poeżiji bl-email u jien inweġibha lura b’poeżija.
Dan wassal
biex ktibna
"Taħt
l-Inċirata"
li
fiha
hi kitbet
il-poeżija u jien in-narrattiva. Ma ltqajniex darba jew tnejn imma ħafna
drabi. Kważi, kważi lanqas ngħodd kemm-il siegħa qattajna niktbu u naqtgħu u
narmu u nerġħu niktbu. Dan l-esperiment tana l-opportunità neżaminaw
mill-qrib il-proċess differenti tal-kitba li aħna nħaddnu. Nemmen li permezz
ta’ din il-kitba mmaturajna u esperiment bħal dan nissuġġerih lill-kittieba
kollha."
Stanley Borg
twieled fis-17 ta’ Ottubru, 1977. Iggradwa
fil-Letteratura Ingliża mill-Università ta’ Malta. Qiegħed ilesti t-teżi ta’
l-M.A. dwar l-eżistenzjaliżmu fil-Letteratura Ingliża ta’ wara t-Tieni
Gwerra Dinjija. Bħalissa jaħdem fis-servizz pubbliku u jikteb fis-suppliment
Weekender tal-gazzetta The Times ta’ Malta.
"Għalija l-letteratura hija daqqa ta’ ħarta.
Hija osservazzjoni u deskrizzjoni tal-ħajja ta’ kuljum, ħafna drabi moħbija.
Hija rabja u skumdità. Hija rikonoxximent li la d-dinja u lanqas il-bniedem
mhuma assurdi – huwa assurd il-fatt li l-bniedem jinsab fid-dinja.
“Bejn Ħajja u Mewt” tittawwal lejn in-nies
tal-belt – fid-dell tas-swar u ġewwa l-kantunieri, fl-irkejjen dlam tal-bars
ma’ tazza wiski, irġiel b’nofs sormhom barra u ferq żlugat u l-ħġieġ
imtappan ta’ vann ipparkjat."
Norbert Bugeja
twieled is-Siġġiewi fl-1980. Studja fl-Università ta’ Malta u ġab
il-Baċellerat fl-Ingliż fl-2002. Il-kitbiet tiegħu xxandru f’diversi ġurnali
u stazzjonijiet tar-radju u televiżjoni. Poeżiji tiegħu nqraw fi
produzzjonijiet ta’ Inizjamed, fosthom Il-Millennju Jistenna lill-Maltin
(1999), Fabbrikazzjoni (1999), Kitbiet mill-Mediterran (2000), Gżejjer
(2001), u Bliet (u Miti) (2002). Huwa editur letterarju ta’ ġurnal lokali u
bħalissa qiegħed isegwi kors ta’ l-M.A. fl-Ingliż fl-Università ta’ Malta.
“Kull ‘nazzjon’ jista’ jibqa’ jirrakkonta l-ħrejjef dwaru nnifsu. Imma mhux
kull proċess ta’ kitba jista’ jieqaf jimmaġina lilu nnifsu differenti jekk
irid jikkummenta dwar l-immaġinarju ta’ nazzjon u jkun siewi. Il-poeżija li
qed nippreżenta tfisser it-tkomplija u l-ewwel fergħa ta’ dak li nbeda
f’Inizjamed is-sajf li għadda permezz tal-proġett “Bliet (u Miti)”:
l-esplorazzjoni ta’ l-immaġinarju Malti llum permezz ta’ mezzi kreattivi.”
Priscilla Cassar
twieldet fis-7 ta’ Novembru 1971. Iggradwat fl-1995 bħala Speech Language
Pathologist. Kompliet l-istudji tagħha u ġabet diploma fil-Ġerjatrija u
l-Ġerontoloġija. Taħdem bħala terapista l-Isptar Zammit Clapp. Dan l-aħħar
bdiet tieħu l-kitba u l-poeżija iktar bis-serjetà u attendiet għal workshops
u korsijiet differenti, ħafna minnhom organizzati minn Inizjamed, li
għandhom x’jaqsmu mal-letteratura. Din hi l-ewwel darba li ser tippreżenta
xogħol tagħha fi proġett ta’ Inizjamed.
“Għalija l-letteratura hija mezz sofistikat u dettaljat li bih nipparteċipa
fl-esperjenzi u l-fantasija ta’ ħaddieħor. Il-logħob bil-kliem fil-poeżiji
jaffaxxinani. Meta nikteb jien imbagħad, il-kitba naraha bħala mezz li bih
nagħti kliem lil dak li jolqotni jew iħalli impatt fuqi b’xi mod jew ieħor.”
Bernard Cauchi
(Awwissu, 1976) studja l-Istorja u hu għalliem. Ippubblika l-ewwel kitbiet
tiegħu fi Frekwenzi ta’ Spirti fis-Sakra (1997), ktieb ta’ poeżiji
bix-xogħlijiet ta’ erba’ awturi. Minn dak iż-żmien, l-involviment tiegħu
kemm politiku, ambjentali kif ukoll letterarju seħħ l-iktar fi ħdan
il-moviment kulturali Inizjamed, u fi gruppi xellugin bħal Panoptikon. Wara
xi korsijiet ta’ kitba ta’ drammi, dan l-aħħar qed jesperimenta iktar f’dan
il-qasam, li fih kuntatt dirett ma’ l-emozzjonijiet tal-karattri, jew aħjar
ir-relazzjoni ta’ bejniethom, li hi wara kollox biċċa mill-awtur stess.
“Il-kitba "Kieku Kont Hi" hija logħba fi trijanglu: il-Belt (li mhix
il-Bliet kollha), l-istorja ta’ Francesca (li mhix biss Francesca) u Jien.
Il-Belt, bħal ma jagħmel ir-raħal, toħloq l-ispazju u l-istejjer tan-nies li
jmissu magħha. U wara li missejt ħafna mal-bdiewa fl-istudji tiegħi, u wara
li jien għext ġo raħal, Birżebbuġa, għal ħajti kollha, ridt nara xi tfisser
ħajja fil-Belt. U sibt ħafna memorji għax missieri mill-Ħamrun… U l-istorja
ta’ Francesca, li hi parti mill-istorja kriminali ta’ Malta, laqqgħatli dan
kollu f’kitba.
Claudia Fiorini
għandha 26 sena
u toqgħod il-Mellieħa. Studjat l-Università ta’ Malta fejn kisbet B.A.
(Ġen.) fil-Malti u l-Franċiż. Bħalissa qiegħda l-aħħar sena tal-Masters
fil-Letteratura Maltija. Tgħallem il-Franċiż fi skola sekondarja tas-subien
f'Raħal Ġdid. Tinvolvi ruħha wkoll fil-kitba tal-poeżija u tattendi
workshops ta' kitba kreattiva. Issieħbet f’Inizjamed madwar seba’ xhur ilu u
dan qed jagħtiha opportunitajiet biex tesponi l-kitba tagħha fil-pubbliku.
Waħda minn dawn l-opportunitajiet kienet l-esibizzjoni artistika "Borders"
li fiha numru ta' artisti ppreżentaw xogħol artistiku innovattiv. Dan
l-aħħar saret ukoll membru tal-kumitat ta' l-Għaqda Letterarja Maltija.
“Il-poeżiji li nikteb dejjem kienu mod artistiku ta' kif nista’ nesprimi
lili nnifsi. Nemmen li l-kitba titlob ċerta dixxiplina li mingħajrha
l-awtriċi ma tevolvix u ma tikbirx. Fil-proċess li ngħaddi minnu kull darba
li nikteb inħossni nikber anke bħala persuna. Ix-xogħol li qed nippreżenta
flimkien ma’ Clare Azzopardi għall-proġett “F’Kull Belt Hemm Kantuniera”,
tani esperjenza ġdida letterarja għax rajt il-proċess kreattiv ta' awtriċi
oħra u dan għenni niżviluppa l-kitba tiegħi wkoll.”
Maria Grech Ganado
twieldet Ħal Lija, 1943.
Studjat l-universitajiet ta' Malta, Cambridge u Heidelberg. Kienet l-ewwel
mara Maltija li nħatret full-time lecturer fl-Università ta' Malta fl-1971.
Iżżewġet fl-1972 u għandha tlett itfal. Fl-1995, wara waqfa ta' iżjed minn
20 sena, reġgħet bdiet tgħallem il-Junior College sakemm irtirat fi Frar ta’
l-2003. Il-poeżiji Ingliżi tagħha ġew ippubblikati f'rivisti prestiġjużi
fl-Ingilterra u l-Awstralja. Ħarġet żewġ ġabriet ta' poeżiji bil-Malti, Iżda
Mhux Biss (1999), li rebaħ il-Premju Letterarju fis-sena 2000, u Skond Eva
(2001). Uħud mill-poeżiji tagħha jidhru wkoll f'antoloġiji Maltin kif ukoll
Taljani u Franċiżi. Fis-sena 2000 ġiet ingħatat il-Midalja għall-Qadi
tar-Repubblika.
“Minn dejjem kien jaffaxxinani l-fatt li l-kliem huwa kamaleonti li jbiddel
surtu skond postu fis-sentenza, jew skond it-ton, il-kadenza, u l-bqija, u
li tista’ tqabblu mhux biss bir-rima imma wkoll ma’ xi kelm'oħra li taqbel
miegħu (eż. taqbel u taqleb). Logħba! li kellha tgħallimni d-dixxiplina meta
l-emozzjonijiet kważi għelbuni. Mhux bħala terapija iżda bħala poeżija!”
Simone Inguanez
ftit mara ftit tifla
hemm jien tifla. u jien mara.
kultant jiltaqgħu.
u hemm qalb u ruħ, f’kull poeżija. fi vjaġġ.
kultant hemm sqaq għalija biss. kultant jiġbor dinja – sħiħa, ġo fih.
jew dinja magħżula. jew baħar … u niesu. u qilla. u rżieħ. u ħġejjeġ ukoll.
din hi jien.
u kultant, nistħajjel, hemm vjaġġatur moħbi xi mkien – ma nafx jifhimx.
jifhimx l-uġigħ. jifhimx il-biża’. jifhimx dak kollu li jaħrab il-fehma, u
jerġa’.
ukoll hawn, ix-xatt tal-kalkara … li jimlieni rieda tal-ħajja.
din hi jien.
l-istess jien li twelidt ftit ’l hinn mit-tarzna. l-istess, li ġarrewni lejn
santa luċija, għalkemm sibtni naħrab lejn ħal tarxien.
l-istess jien tal-liġi. l-istess
tal-forensika. l-istess
jien
tal-psikoloġija. u nipprova nifhem ftit aktar. u
noħlom.
"sqaq nru 1"
f’kull belt hemm kantuniera. f’kull kantuniera, mitt mit. darba tislifhom
il-ħbub t’għajnejk. hemm irkejjen ta’ bliet, jidħlu jiġru kexxun f’irkejjen
minn ruħek. hemm jibqgħu, ibejtu. bħat-tifla mgermda, bħax-xiħa għajjiena.
jinħallu f’biċċa mill-jiena. jew jgħaqqdu f’biċċa li diġà biċċa mill-jiena.
|
|