|
Toni
Attard qed jistudja
l-komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta u qed jikteb teżi dwar "The fusion
of theatre and audiovisual media in live performance." Wara li telaq
mill-iskola tad-drama u ħa sehem f’produzzjonijiet differenti, intebaħ li
xtaq iktar mit-teatru milli li sempliċiment jirreċta ma’ nies differenti
fis-sitt ġimgħat li tittella’ produzzjoni. Sab dak li kien qiegħed ifittex
fil-grupp Aleateia fejn hemm grupp ta’ nies li verament iħobbu t-teatru u
lesti jagħmlu minn kollox għalih. F’Ġunju li ġej, Toni Attard u Aleateia se
jirrappreżentaw lil Malta fil-qasam tat-teatru fil-Bjennali ta’ l-Artisti
Żgħażagħ mill-Ewropa u mill-Mediterran li se ssir f’Ateni. Is-sehem ta’
l-artisti Maltin huwa kkoordinat minn Inizjamed.
Caroline Calleja,
rebbieħa
ta’ bosta kompetizzjonijiet lokali, bdiet tistudja l-pjanu ta’ erba’ snin
ma’ Monica Anastasi, u l-arpa ta’ ħdax-il sena ma’ Donata Mattei. Kompliet
l-istudji tagħha f’bosta istituzzjonijiet barra minn Malta bħad-Darlington
International Summer School ġo l-Ingilterra, l-Accademia Musicale
Chigiana ġo l-Italja, u l-Konservatorju Statali ta’ Moska ġewwa
r-Russja. Fl-1998, kompliet l-istudji mużikali tagħha fil-Conservatoire
Nationale de Region de Lyon
ġewwa Franza taħt it-tmexxija ta’
Herve Billaut fil-pjanu u Christophe Truant fl-arpa, minn fejn hija kisbet
il-Medaille d’Or fil-pjanu u d-Diplome de fin d’Etudes
fl-arpa.
Fl-2002 Caroline
ggradwat B.A.(Hons.) fl-Istudji Mużikali mill-Università ta’ Malta
b’First Class, u bħalissa qed tistudja għal-lawrja ta’ Masters fil-Mużika,
li fiha qed speċjalizza fil-pjanu ma’ Michael Laus. F’Novembru 2000
iddebuttat bħala solista ma’ l-Orkestra Nazzjonali fit-Teatru Manoel meta
daqqet il-Kunċert tal-Pjanu Nru.15 K.450 ta’ Mozart u f’Settembru ta’ l-2002
daqqet bħala solista ma’ l-istess orkestra f’Dar il-Mediterran
għall-Konferenzi. Hija daqqet f’diversi swali u teatri f’Malta kif ukoll
barra minn Malta. Caroline Calleja ilha tgħallem l-arpa l-Iskola tal-Mużika
Johann Strauss, il-Belt għal dawn l-aħħar erba’ snin, u hija l-arpista
prinċipali ta’ l-Orkestra Nazzjonali.
Claire
Massa ggradwat mill-Università
ta’ Malta b’B.A. (Bl-Unuri) fl-Istudji Mużikali u PGCE fit-tagħlim
tal-mużika. Ħadet sehem f’masterclasses fil-vuċi u attendiet korsijiet
fl-edukazzjoni tal-mużika fir-Renju Unit, l-Italja, l-Ungerija, u
l-Isvizzera, u studjat ma’ Eva Andor u Giovanna Canetti, u ma’ Juliette
Bisazza. Massa tkanta regolarment f’kunċerti vokali. Ir-repertorju tagħha
jinkludi l-“Messiah” ta’ Handel, l-opri ta’ Mozart u Rossini, ir-romantiċi u
l-impressjonisti Franċiżi u x-xogħol iktar impenjattiv tas-seklu 20. Dan
l-aħħar kantat fuq żewġ CDs: War Requiem tal-Prof. Charles Camilleri
u Stabat Mater ta’ G. Abos taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella.
Godfrey
Mifsud (1978) studja
l-klarinett ma’ Ronnie Debattista u jieħu
lezzjonijiet ta’ konsultazzjoni mingħand
il-professur u l-virtuoso Ingliż, David Campbell. Fl-1999 daqq fil-kungress
dinji tal-klarinett f’Ostend, il-Belġju, u ħa sehem f’reġistrazzjoni ta’ xogħol
għall-klarinett
ta’ Charles Camilleri. Fis-sena 2000 u fl-2001, daqq fil-festival ta’ l-arti
f’Aberystwyth f’Wales. F’Awwissu tas-sena 2001 daqq xogħlijiet
għall-klarinett
u “wind band” ta’ Cahuzac ġewwa Linz u Oftering, l-Awstrija. Godfrey ilu
jdoqq regolarment ma’ “chamber ensembles” bħal
Etnika u ISSA sa mill-1995. Issa ilu tliet snin membru attiv tal-Kwartett
Valette għall-klarinett
u ma’ dawn il-mużiċisti daqq kemm Malta kif ukoll barra.
Sarah Spiteri bdiet l-istudji mużikali tagħha f’Malta u fl-1990 rebħet
il-kompetizzjoni mużikali ta’ Bice Mizzi Vassallo imbagħad kompliet
l-istudji tagħha f’Lyon, Franza. Attendiet numru ta’ korsijiet fl-Akkademja
Chigana ta’ Siena fejn ħadmet l-aktar fuq it-teknika fil-vjolin ma’ Boris
Belkin u fil-mużika elettronika ma’ Giorgio Nottoli u Riccardo Santoboni.
Fl-1991, flimkien mal-Kwartett tal-korda Borealis, tat sensiela ta’ kunċerti
f’Milan imtellgħa mill-Associazione Musicale Milanese. Mal-Borealis
irrekordjat żewġ CDs b’xogħlijiet ta’ Charles Camilleri, Nicolò Isuard u P.
P. Bugeja. Fis-sena 2000 Spiteri waqqfet il-Jubal Ensemble u fl-2002
iffurmat
it-Trio Solaris ma’ Godfrey Mifsud u Eric
Azzopardi (pjanu), trio li daqq f’Malta u fit-Tuneżija. Wara li ggradwat
bl-Unuri fl-Istudji Teatrali mill-Universita ta’ Malta, Spiteri qed tħejji
għat-tieni lawrija tagħha billi tispeċjalizza fil-fenomenu ta’
l-improvizzazzjoni fil-mużika u t-teatru, b’referenza partikulari
għax-xogħlijiet ta’ John Cage u l-“Living Theatre”.
Marcelle Teuma
ilha involuta fit-Teatru għal dawn l-aħħar 18-il sena. Għandha diploma
fir-reċtar mill-MTADA u ċertifikat mill-Webber Douglas Academy of Dramatic
Art (London, 1990). Iggradwat fl-Istudji Teatrali u l-Filosofija u kisbet
Ċertifikat biex tgħallem (primarjament it-Teatru) mill-Università ta'
Malta. Ħadet sehem bħala attriċi f’għadd ta' produzzjonijiet teatrali
miktubin minn drammaturgi bħal Dario Fo, Lorca, Michael Frayn, Max Frisch,
Strindberg, Pinter, Pirandello, u Francis Ebejer. Fil-bidu tas-snin 90,
flimkien ma’ oħrajn waqqfet grupp ta’ teatru sperimentali li ħadem testi
oriġinali bil-Malti li ġew ippreżentati fil-Festival Bjennali Mediterranju
tat-Teatru Sperimentali fl-1990 u fl-1993. Tgħallem id-drama fl-Iskejjel
Statali u fiċ-Ċentru tad-Drama Mikelanġ Borg. Hija membru tal-grupp li
jikkoordina l-attivitajiet ta' Inizjamed u tirrappreżenta lil Inizjamed
fl-Għaqda Internazzjonali li tmexxi l-Bjennali ta’ l-Artisti Żgħażagħ
mill-Ewropa u mill-Mediterran.
|
|