Stejjer at-Tfal ta' Bejn 10 u 12-il Sena

 

tal-parteċipanti f'korsijiet organizzati minn Inizjamed fl-2001-2002


Vanna - Joanna Cassar

Ir-Raġel Ikrah - Mary Muscat

Lezzjoni Nru. 1 - Karl Schembri

Il-Ballun tad-Deheb u l-Kappell ta' l-Għerf - Kylie Ann Borg Marks

Ħarba! - John C. Betts

Is-Saħħara Niggieża - John C. Betts

Id-Dar l-Oħra

Il-Kikkra - Rita Saliba
 


 

Vanna

© Joanna Cassar

 

Vanna hija tifla ta’ disa’ snin. Tgħix man-nanna , ma’ missierha , mal-pupi u ma’ xi kokrowc u xi brimb li jinzertaw iqattgħu xi jiem god-dar tagħhom. Vanna tixtieq hafna affarijiet. Tixtieq li xi darba tigi l-ewwel fit-tlielaq fik dejjem tagħmel Carmen. Tixtieq li l-laburisti jirbhu l-elezzjoni li jmiss biex missierha jkollu aktar flus . Tixtieq li kellha curkett tad-deheb kif jilbsu dawk li jizzewgu, halli tkun tista’ tidher bhal kbar. Vanna tixtieq li n-nanna tagħha ma titfax riha tinten meta jkollha zaqqha tuġagħaha . Tixtieq li kienet taf titkellem bl-Ingliz biex tkun tista’ tifhem u tilgħab ma’ Samantha. Tixtieq li kellhom dgħajsa biex tmur ‘il bogħod. Tixtieq li kellha nuccali biex toqgħod tilgħab bih waqt il-lezzjonijiet.

 

Vanna ma tifhimx kollox. Ma tifhimx għaliex ma tistax tiekol kuljum cips , meta hi thobb ic-cips l-aktar. Ma tifhimx għaliex tiddejjaq wahedha. Ma tifhimx għaliex fix-xitwa ma tistax tgħum fil-bahar meta l-hut jgħumu s-sena kollha. Ma tifhimx għaliex kulhadd għandu mama u hi le.

 

Gieli ssaqsi lill-mera jew lit-trab ta’ fuq il-vetrina jew lill-vit ta’ l-ilma tal-kcina, jew lin-nanna biex tara jafux għaliex ma tifhimx , izda huma stess qatt ma jkunu jafu.

 

Imma darba fethet il-kexxun tal-komodina biex iggib xi haga u sabet imqass li beda jkellimha u qallha, “Jien naf  għaliex int tixtieq hafna affarijiet , għax go fik hemm hofra kbira li dejjem titolbok xi haga il-hin kollu u din il-hofra qegħda dejjem tikber kull minuta.” L-imqass kompla jqasqas ilsienu u qallha , “Naf ukoll għaliex int ma tifhimx hafna affarijiet. Għax hadd mhu ndaqs, hawn min jifhem u hawn min ma jifhimx, hawn min hu ahjar u hawn min hu agħar, hawn min jibki hafna u hawn min jibki ftit, hawn min jihxien u hawn min ma jihxienx, hawn min ma jinsiex u hawn min jinsa l-hin kollu.”

 

Dak in-nhar Vanna fehmet għaliex ommha ma kienetx tgħix magħhom għax kienet wahda min dawk li tisparixxi l-hin kollu u mhux min dawk li tisparixxi ftit.

 


 

Ir-Raġel Ikrah

© Mary Muscat

  

Mhux soltu ddoqq il-qanpiena tal-bieb ta’ barra. Bżajt niftaħ, imma ommi riedet issajjar u kelli mmur.

 

Fil-bieb kien hemm raġel twil daqs in-nannu, imma b’żaqqu ħoxna. Kellu xkora kbira kważi daqsu, b’xi kliem bl-istencil fuqha. Qalli, “hawn sabiħa!”

 

Kellu riħa stramba u kien liebes kollu abjad. B’id enormi prova jmissli xagħri. Faqqa’ daħka u qalli, “Hawn geduda!” Ix-xkora poġġiha fl-art, wara l-bieb, u hekk kif beda nieżel kokka biex jaqbadni, jien sparixxejt ’il ġewwa, imwerwra. Smajtu jgħajjatli, “Mary!”

 

{taft sieq ommi u tkebbibt magħha. “Ma! Maaaaaa!!” Ma kontx naf minn fejn se nibda. “Hemm raġel ikrah fl-intrata u ġie biex jiġborni fl-ixkora! Maaaa!”

 

“Min ġie?” staqsietni.

 

“Jaf x’jisimni, ma! Żgur dak ir-raġel li għandu l-mogħoż, li joqgħod waħdu fejn Ta’ Ċappas fil-wied ta’ Żanbura, dak li l-kelb tiegħu qatel il-fniek tan-nanna ix-xitwa l-oħra!”

 

“Min?” insistiet.

 

“Iwa!! Għandu xkora, fiha it-tfal ġewwa għax bdiet tiċċaqlaq!” {assejtu warajja, dieħel fil-kċina.

 

“Le!” werżaqt. Ommi ċċassat tħares lejh. Ir-raġel ikrah qallha, “hawn qalbi, ġejt ġurnata qabel, għax il-bastiment ma waqafx Sqallija kif kont ktibtlek. Ma stajtx navżak qabel. Naħseb li ż-żgħira reġgħet m’għarfitxnix, hux?” U t-tnejn infaqgħu jidħku, filwaqt li biesu lil xulxin fuq ix-xuftejn.

 

“X’qed tagħmel ma? Mank hawn il-pa ħalli jkeċċih ’l hemm!” għidtilha b’saħħa. U ommi qaltli, “dan hu l-pa, ruħi!”

 


 

Lezzjoni Nru. 1

© Karl Schembri

 

X’ħin ommi u missieri ħarġu mid-dar, mort niġri fil-kċina niftaħ il-kabord. Il-plattini kienu fuq l-ixkaffa ta’ fuq nett, wieħed fuq l-ieħor, u t-tazzi kienu fuq l-ixkaffa ta’ taħthom. Ittawwalt fuq ponot subgħajja, ħtaft l-eqreb tazza u niżżiltha fuq il-mejda. Ressaqt is-siġġu li ma jżaqżaqx lejn il-kabord, inżajt il-karkur ħalli ma nħallix passi, u tlajt biex inġib plattina tal-ħġieġ, pariġġ it-tazza. Għal tikka ma ħbattx rasi ma’ dak l-imnellaħ kabord fil-fixla.

 

Issa kien jonqosni s-sulfarini. Dawk biss kien jonqosni għall-miraklu ta’ l-ilma u n-nar. Ressaqt is-siġġu lejn il-cooker, erġajt inżajt il-karkur, u xxabbatt biex nilħaq il-kaxxa mdendla f’kaxxa oħra tal-plastik, imwaħħla mal-ħajt.

 

X’ħin kelli kollox f’idi frixt l-affarijiet fuq il-mejda, fuq id-dvalja l-bajda, ressaqt il-vażun tal-fjuri min-nofs, u mlejt il-plattina kemm kemm bl-ilma, kif kien għamel missieri dakinhar tal-party tal-birthday tiegħi.

 

Qsamt is-sulfarina biex tiġi qisha ‘L’ u ħallejtha tifflowtja fl-ilma bla ma nxarrab il-kubrit. F’idi kelli sulfarina oħra, dik li kelli nqabbad biha. Idejja bdew jirtogħdu. Kont għadni qatt ma qabbadt sulfarina qabel. Ara se tinħaraq, bdejt nisma’ l-vuċi t’ommi twerżaq f’widnejja. Se jtirlek il-kubrit u taħraq id-dar, beda jgħajjat missieri.

 

Stajt nimmaġinahom quddiemi jgħajtu t-tnejn li huma. Iżda malajr rabbejt il-kuraġġ u bdejt nimxi pass pass kif kien għamel missieri. Xgħelt is-sulfarina bil-mod, kif jixgħelhom Frans is-sagristan, poġġejt il-kaxxa fuq il-mejda, ressaqt is-sulfarina l-imqabbda lejn dik tal-plattina, u qabbadtha. Imbagħad b’idi l-oħra għollejt it-tazza rasha ‘l isfel u għattejt is-sulfarina ta’ ġo l-ilma, kif kien għamel missieri, u tlaqtha fil-plattina. It-tazza bdiet tiswied, is-sulfarina bdiet tintefa, iżda f’daqqa waħda l-ilma kollu inbela’ għal ġot-tazza. Dakinhar – it-2 ta’ Diċembru 1984 – għamilt l-ewwel miraklu tiegħi. U ħassejtni kbir.

 


 

Il-Ballun tad-Deheb u l-Kappell ta' l-Għerf

© Kylie Ann Borg Marks

 

Ħafna u ħafna żmien ilu, kien hemm raġel li kellu flawt maġiku. Kull meta kien idoqq il-flawt, l-annimali kienu jigu ħdejh u hu kien ikun jista’ jkellimhom bil-lingwa tiegħu. B’hekk, hu kien ġieli jqatta’ ljieli sħaħ ma’ l-annimali ġol-bosk. L-annimali, minn naħa tagħhom, kienu jafdaw fih u jkellmuh fuq kollox.

 

Darba minnhom, l-annimali bdew jirrakkuntaw lir-raġel fuq iż-żewġ ġganti li kienu jgħixu fuq l-għolja tal-Qamar Kwinta. Qalulu li l-ġganti kellhom ballun tad-deheb li min jirnexxilu jiksbu, ikun jista’ jaqta’ x-xewqat kollha tiegħu. Minbarra dan il-ballun, il-ġganti kellhom kappell li kull min jilbsu jkun l-akbar għaref fuq wiċċ id-dinja!

 

Meta beda jisbaħ il-jum u x-xemx kienet bil-kemm tidher ma l-orizzont, ir-raġel qabad it-triq lura lejn il-villaġġ fejn kien jgħix. Ma kellem lil ħadd u ingħalaq waħdu, ġo daru. Beda jippjana kif jista’ jmur għand il-ġganti ta’ l-għolja tal-Qamar Kwinta. In-nies tal-villaġġ, ħbieb tiegħu, bdew jitħassbu fuqu u kienu joħdulu d-dar ikel u bżonnijiet ta’ kuljum għax ħasbu li r-raġel kien ma jiflaħx. Hu beda jirrabja u ftit ftit issuppervja għax ħbiebu bdew idejquh. Spiċċa biex, bla ma jaf, tilef lill-ħbieb kollha tiegħu.

 

Iddeċieda li jmur għand il-ġganti. Wara ħafna nkwiet u diffikultajiet, ir-raġel wasal fuq l-għolja tal-Qamar Kwinta. Il-ġganti daħħluh ġo darhom u tawh ikel tajjeb. Qatta’ magħhom ġimgħa sħiħa u mas-seba’ jum, il-ġganti wrewh il-kappell tal-għerf u l-ballun tad-deheb li r-raġel tant kien sema’ dwarhom mingħand l-annimali tal-bosk. Matul il-lejl, ir-raġel qam u ma setax jieqaf jahseb dwar dawk l-oġġetti maġiċi. Il-ħsieb li jista’ jkun għaref kbir u sultan fuq il-ħlejjaq ma setax iħallih jorqod. Waqt li l-ġganti kienu reqdin, ir-ragel mar u b’ħeffa ta’ l-għageb seraq il-ballun tad-deheb u l-kappell tal-għerf, ħarab mill-għolja tal-Qamar Kwinta kemm jista’ jkun malajr u mar lura fil-bosk.

 

Permezz tal-ballun tad-deheb, ir-raġel irnexxilu jakkwista flus u rikkezzi li qatt qabel ma kien immaġinahom. Akkwista wkoll palazz kbir mimli ħitan ta’ l-irħam u oġġetti tad-deheb. Kien ferħan għal ftit iżda ħbieb ma baqagħlux. Kien tilifhom u ħallihom warajh. Imma meta libes il-kappell tal-għerf induna li l-flus m’humiex kollox. Beda jiftakar fin-nies tal-villaġġ li tant kienu jħobbuh u fl-annimali tal-bosk li tant kien jieħu gost jitkellem magħhom. Irrealizza li l-bniedem ikun sinjur, mhux skond kemm ikollu flus biss, iżda skond kemm qalbu tkun kbira u miftuħa għall-imħabba lejn l-oħrajn.

 


 

Ħarba!

© John C. Betts

 

Nifsi maqtugħ. Kważi wasalt. Qed noqrob. Fejn hu Karmnu? Niġri, niġri kemm niflaħ, bla nifs issa. Ftit ieħor. Hemm hu! {ej min-naħa tal-lemin, arah! Imma issa wasalt. Ftit ieħor biss. Bla nifs, bla nifs.

 

Kont ħrabt. Kont inqtajt waħdi. Kont ta’ spiss ninqata’ waħdi. Sħabi kienu kuntenti jħufu madwar is-siġra; jien le. Jien kont irrid inkun waħdi. Sħabi kienu kollha fil-Grupp. Kollha kienu Parti. Jien biss le! Jien ma kontx l-istess! Jien waħdi.

 

Qed niġri, kważi wasalt, għoddni żlaqt xkanat fit-trab. Is-siġra! Issa qrib is-siġra, ftit ieħor u nkun wasalt. Anki Karmnu qed joqrob, u kważi laħaqni. Jiġri iktar minni Karmnu. Iżda did-darba ma jilħaqnix. Did-darba żgiċċajtlu, u lemaħni tard wisq. Qtajt nifsi, imma kważi wasalt.

 

Kont tlaqt għal-rasi, bogħod mill-oħrajn. Kont dort dawra twila biex ma jilmħunix. Kont inkun irrid nistaħba, ma nidhirx. Kont inkun irrid nintilef, u hekk għamilt, dort dawra twila, twila, biex Karmnu u sħabu ma jilmħunix.

U meta’ rġajt wasalt, kont waqaft ħesrem, nitlajja mal-ħadid, ma nitħarrikx, biex nintilef fost ċorma subien libsin bħali, taparsi nara l-futbol.

 

Wasalt - ftit passi oħra; qed inħoss li Karmnu għoddu qabadni. Kulma jrid jagħmel jolqotni bil-ponta ta’ subajh. U ninqabad. L-oħrajn qed jiġġebbdu lejja, katina subien tarf mas-siġra u tarf jiġġebbed lejja. Wasalt -

 

Xi drabi kont irrid noħroġ mill-moħba. Kont irrid nidher. Nispikka.

 

“Ħarba!” ilkoll niġru ‘l bogħod mis-siġra, minn Karmenu u sħabu. Ħarba! L-katina nħallet u kulħadd jitlaq xkanat meħlus. Meħlus minni! Jien ħarrabthom. Irnexxili! {rejt iktar minn kulħadd! Irbaħna! Irbaħt!

 


 

Is-Saħħara Niggieża

© John C. Betts

 

Is-Saħħara Niggieża niżlet leħħa ta’ berqa fuq ir-Raħal tan-Ninuneni. Tiġri ‘l-hawn, taqbeż ‘l-hemm, ittir, tħuf, u tagħmel kaprijoli. U bil-Labra Splengun niggżet lin-Ninuneni kollha, waħda wara l-oħra, taħrab, tniggeż, u tiżgiċċa. Kemm werżqu w qabżu n-Ninuneni!

 

F’nofsinhar is-Saħħara marret tinħeba w tistrieħ fid-dell tal-bajtra ta’ Mananni, taqta u tqaxxar u tiekol bajtar kemm tiflaħ. In-Ninuneni nġabru għand Muna l-ixjeħ. X’setgħu jagħmlu? Kienu kollha xjuħ, u bl-ilbies suwed goffi li kellhom ma setgħux jilħquha lis-saħħara. U din ma riedet xejn terġa tiġi bil-labra wara l-ikel. “Neħilsu n-Nemnem!” qalet Muna. In-Nemnem! Il-ħares, il-fatat, il-fanal ta’ ruħ Barbaġann! Kien fitt, in-Nemnem, nebbiex, iżda n-Ninuneni qablu li aħjar it-tinbix tan-Nemnem mil-Labra Spengun ta’ Niggieża! U marru kollha għand {ola l-{olfa, u talbuha teħles lin-Nemnem mill-vażett. Iżda mhux hemm ġew fir-razzett!

 

Le, bagħtu lil-{ola fejn il-bajtra ta’ Mananni, inkiss inkiss, fejn Niggieża kienet qed tiekol. {ola fetħet l-għatu - u ħarbet! In-nemnem spara mill-vażett, dar żugraga mal-bajtra - u lemaħ lis-saħħara! U hekk kif kienet moħħa fil-bajtar ħelu ta’ Mananni, rabtilha l-lazzijiet taż-żarbun flimkien. Imbagħad in-nebbiex, minn eżaatt warajha, għajjat għajta ta’ qasqus mismut. Di qabża li qabżet! Iinħażdet, tfixklet, tgerbet - u waqgħet fil-Bajtar. U tniggżet Niggieża, u werżqet daqs għoxrin Ninunena, u tħabtet u tgerfxet u iktar tniggżet bix-xewk! U fl-aħħar qamet, u ħarbet tiġri tlebbet kemm tiflaħ kollha tingiż.

 

U n-Ninuneni tant ferħu li daqqew il-qniepen tal-knisja, u ħarqu l-murtali tal-festa. Iżda n-Nemnem pattihielhom talli kienu qabduh fil-vażett! Fil-kanen tal-murtali xeħet iktar bajtriet: u xħin dawn ħadu, ksew ir-raħal bix-xewk u t-tingiż. U lin-Ninuneni semgħuhom iwerżqu minn bejn il-Gzejjer!

 


  

Il-Kikkra

© Rita Saliba

 

Kulħadd b’xortih f’din id-dinja! Sħabi tas-sink tal-kċina jgħiduli, “Xi trid aktar milli tkun kikkra fl-uffiċċju tal-Madam?”

 

Mur għidilhom ma x’hiex ikolli nħabbat wiċċi fil-għodu! L-ewwel jitfgħuli l-misħun jgħali, imbagħad iġġorni dik il-purtinara nofs ras u żewġ widnejn. Għax bilħaqq aħna l-kikkri widna waħda jkollna taf. Imma l-kbira tiġi meta nara dawk il-par xofftejn resqin bil-mod il-mod lejn wiċċi. Nistħajjilhom qishom mollusk aħmar ta’ żmien il-Feniċi jitwaħħal miegħi u jerġa’ jitlaq. U biex tgħaqad iħalluli l-forma stampata bl-aħmar idellek biex żgur ma ninsiex malajr minn liema passjoni kelli ngħaddi!

 

Dan kif kelli nintgħażel jien? Mhux bħall-oħrajn fl-armarju għandi fjura roża quddiem u wara? Għall-ewwel tkabbart xi ftit ma’ l-oħrajn u ħsibt f’kemm kelli x’nirrakkonta meta nerġa’ lura ħdejhom mill-vaganzi. Kemm ser nara nies importanti u kemm se jġorruni waqt xi diskussjoni taħraq. Biex issa kważi qed ngħir għall-bqija tas-sett. Jaħasra, ma kellix xi ngerger minnhom, kemm kienu kwieti!

 

Hawn dejjem rutina. Sakemm ma jiġix is-sindku jagħti xi kotba għall-iskola! Dak il-ħin sidti terfagħni b’delikatezza kbira, bi tlett iswaba fil-waqt li t-tnejn l-oħra ġġebidhom ‘barra...

 

Ej, żomm ftit! X’se tagħmel? Qed titfagħli l-ilma kiesaħ issa?! Mela trid ittini xi ċmajra? Ma tafx kemm hawn mard daż-żmien jew?!!!

 


 

 

Għall-Ewwel Paġna  |  Back to the English Page