"mitt żiemel ikħal jissara mal-mewt"
Intervista ta’ Sergio Grech ma’ Stephen Cachia

Stephen Cachia twieled fl-1976 u jgħix San Pawl il-Baħar. Huwa għalliem u ilu jikteb il-poeżiji mindu kellu 13-il sena. Poeżiji tiegħu dehru fuq paġni letterarji ta’ għadd ta’ ġurnali Maltin kif ukoll fl-Antoloġija ta' l-Għaqda Letterarja Maltija, Mal-Mewġa taż-Żmien u fil-ġabriet Kitbiet mill-Mediterran u Gżejjer ta’ Inizjamed.  Xi poeżiji tiegħu ġew irrekordjati wkoll bħala kanzunetti fis-CD mużikali “Lehma”.

1.  X’importanza tagħti l-fatt li aħna wlied gżira u wlied il-Mediterran f’kitbietek?

Ħafna. Fina l-Maltin ibaqbaq id-demm ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ baħrin, sajjieda, ilsiera u suldati li żaru dawn il-gżejjer tul is-snin.  U l-istorja tagħhom għadha tkompli sal-lum fil-passjonijiet, fil-ġrajjiet ta’ mewt u mħabba li nġarrbu ta’ kuljum, anke jekk l-avvanz teknoloġiku u konsumista ta' l-aħħar tletin sena qered ħafna mill-wirt Mediterranju tagħna.

Fil-kitba tiegħi nħobb nitkellem dwar sajjieda, dgħajjes, il-munġell, iġfna, u x-xatt. Forsi wkoll għax nannuwi kien sajjied minn San Pawl il-Baħar.  Din mhix poeżija li tappella għall-ħajja “moderna” għaliex il-modern ħafna drabi ma jħallix spazju għall-kreattivita’ jekk mhux għal finijiet ta’ konsum. Imma l-poeżija hi xi ħaġa li ma tistax tiġi kkunsmata. Il-punt hu li fix-xogħol poetiku tiegħi sikwit nipprova noħloq dinja pre-industrijali Mediterranja, kważi mitoloġika, għaliex mingħajr għeruq ma jistax ikun hemm il-friegħi. 

Dan jidher fil-versi tiegħi, “Sunett lill-Poeta l-Minsi” li tinsab fuq is-CD mużikali ta’ Jesmond Zerafa “Lehma”. Fiha nitkellem dwar tfajjel sajjied, li wkoll jinseġ il-vrus…imma fil-baħħ tal-lejl skur, fuq il-baħar, mingħajr ma jisimgħu ħadd, jekk mhux il-qamar u l-ħut.

2.  Il-poeżija tiegħek hija waħda ambjentali?

Ma niktibx poeżija speċifikament biex niddefendi l-ambjent.  Ma nemminx li b’dan il-mod inkun qed noħloq versi awtentiċi. Imma l-poeżiji li ktibt, imqar jekk dwar il-poeżija nnifisha, jużaw xbihat mill-ambjent naturali Malti li naħseb jgħinu biex ta’ l-inqas niftakru kif kien l-ambjent naturali fl-imgħoddi mhux daqshekk imbiegħed.  U allura minn fejn ġejjin u min aħna tassew. 

3.   U hi wkoll poeżija soċjali?

L-istess bħal fil-każ ta' l-ambjent. Fl-ewwel poeżiji li ktibt, ġieli rreferejt għal problemi socjali speċifiċi bħall-faqar, il-miżerja, s-solitudni, ir-rifuġjati. Imma naħseb li jekk tipprova tikteb fuq xi ħaġa li int ma tagħmilx parti minnha, ma tkunx qed tkun ġenwin. Jien komdu ġej mill-klassi tan-nofsġ kif nista’ nippretendi li nsemma’ l-leħen tar-rifuġjati, per eżempju l-miljuni ta’ ddisprati Afgani, b’mod awtentiku? Dak ikun daħk fil-wiċċ. Dan ma jfissirx li m’hemmx missjoni fil-kitba. Anzi! Ifisser biss li l-istil li rridu nużaw irridu noqgħodu attenti ħafna għalih.

4.  Il-poeti ma jbiddlux id-dinja. Kif tirreaġixxi għal dan?

Naqbel u ma naqbilx. Jekk tgħidli li tista’ tuża l-poeżija biex toħloq rewwixta, ngħidlek dik fantasija!Imma mbagħad nemmen li l-poeti veri huma dawk li jdoqqu s-sirena ta' l-allarm – li jwissu lis-soċjet (mhux fis-sens ta’ indottrinazzjoni ovvjament), permezz tal-kuxjenza umana li jipprovaw joħolqu.

Il-poeti veri dejjem kienu xhieda tar-realtà, anke meta din hija kerha ħafna, bħal fi żmien il-gwerra, jew jekk il-versi tagħhom jinstemgħu arkajċi.

Biżżejjed insemmi l-viżjoni li kellhom poeti kbar bħal Wilfred Owen. Dan qatt ma ħa sehem f’xi moviment soċjo-politiku ta’ protesta. Miet ta’ 25 sena qalb it-trunċieri ta' l-ewwel gwerra dinjija (1918). Qatt ma kellu xogħlijiet ippubblikati fi ktieb għalih waħdu tul ħajtu. Imma l-poeżija tiegħu hija magħrufa minn kulħadd u hija għajn ewlenija ta’ ideat għall-moviment paċifista mad-dinja kollha.

5.  Bħala kittieb żagħżugħ tħoss li hemm influwenzi f’kitbietek minn awturi oħrajn, per eżempju dawk tas-snin sittin?

Dażgur li iva. Jogħġbuni dawk l-awturi qalbenija li ma beżgħux jitkellmu dwar temi jaħarqu ta’ żmienhom, kif ukoll dwar it-traġedja ta' l-eżistenza umana, xi ħaġa li wara l-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru reġgħet ħarġet sew fil-beraħ.

Nemmen li awturi kbar bħal Sofokles, Dante, Arthur Rimbaud, Federico Garcia Lorca, Jean Genet, Alberto Moravia, Jack Kerouac, Pier Paolo Pasolini, Salman Rushdie u Susan Sontag jibqgħu relevanti tul is-snin, anke jekk tinbidel is-soċjetà. Bħala kittieba Maltin, jogħġbuni ħafna l-vrus ta’ Rużar Briffa, Charles Flores, Joe Saliba ta' l-Awstralja, Immanuel Mifsud, Norbert Bugeja u Patrick Sammut. Dawk li semmejtlek kollha nfluwenzawni. Per eżempju leħen Lorca jinstema’ sew fil-poeżija tiegħi “Ikħal”:

“F’demmna

mitt żiemel ikħal jissara mal-mewt,

l-ikħal ta' l-iġsma jistennew taħt ix-xagħra,

bi lsien itanbar qamar

midluk biż-żebbuġ fi swieq u mqades.”

Din l-intervista dehret f’Il-Ġensillum tas-Sibt, 12 ta’ Jannar, 2002

 


Għall-Ewwel Paġna | Back to the First Page