U xi ngħidu għal dawk li qatt ma għamlu l-Mixja ‘l ġewwa? Kemm dam ħaj Franġisku ra ħafna minn dawn. Kien hemm minnhom fost sħabu ta’ tfulitu, u kien jibża’ li kien hemm xi wħud fost l-Aħwa wkoll. Jintgħarfu għax la jħossu minn barra u lanqas minn ġewwa. U dak li l-aktar isewwidlu qalbu kien l-inkwiet u t-tħassib ta’ dawk li qatt ma niżlu fil-fond biżżejjed fihom infushom, hekk li jsibu iċ-ċentru tas-serenità fejn jiltaqgħu u jisimgħu lill-ieħor.
Għax qatt ma niżlu fil-fond biżżejjed, sabu biss lilhom infushom u f’dik il-laqgħa bdew jinkwetaw dwar ħajjithom, il-futur tagħhom, x’se jħallu warajhom biex oħrajn jiftakruhom. Fi ftit kliem, raw biss il-moralità tagħhom, u werwirhom il-ħsieb li l-ħajja hi hekk qasira u donnha bla siwi; malajr tagħaddi u maż-żmien kulħadd jinsik.
Kien dwar dawn in-nies li darba minnhom, hemm fuq il-quċċata tal-Muntanja Subasio, qagħad jaħseb u jħares ‘l isfel, lejn il-panorama meraviljuża ta’ Assisi u l-wied ta’ Spoleto li kien hemm taħtu. Fid-daqqa u l-ħin baxxa ħarstu u lemaħ ranċiża tħares ‘il fuq lejh. U nesa l-maestà tal-muntanja u tal-widien x’ħin qagħad jikkonċentra fuq id-delikatezza u s-sbuħija ta’ dik il-fjura tal-muntanja, tixxejjer mar-riħ. Hemm araha, tfaħħar ‘l Alla fil-libertà ta’ l-arja tal-muntanja. Ħajjitha, qasira u dgħajfa, kienet att ta’ tifħir, kif imissha tkun ħajjet kull bniedem. Xejn ma kienet tinkwieta dwar x’kien se jirnexxilha tagħmel matul ħajjitha, jew x’se tħalli warajha. U lanqas ma kienet titbeżżgħa għax ħajjitha kienet hekk qasira. Sempliċement kienet hemm, fuq il-muntanja.
Aħna l-bnedmin, kemm imissna aktar inkunu xhieda għall-glorja li sempliċement neżistu? Aħna għad ngħixu għal dejjem. L-eżistenza tagħna hi biss biżżejjed, u aħna glorjużi, indipendentament minn dak li jirnexxielna nagħmlu jew il-ħajja li nistgħu nnislu. Iżda jeħtieġ li nitgħallmu din il-verità li teħlisna billi niltaqgħu ma’ Alla fl-intimu ta’ ruħna. Li nafu li Alla jħobbna u jilqagħna, jgħinna biex inħobbu lilna nfusna u naċċettaw lilna nfusna.
Dan kien is-sigriet u l-misteru ta’ l-eremitaġġ, hemm fuq il-Muntanja Subasio. Hemm, mal-ġenb tal-muntanja, salvaġġ u nċert, kien hemm serenità u paċi, għax hemm kollox kien sempliċement jeżisti. Ebda siġra ma kellha għalfejn tiġġustifika l-preżenza tagħha b’xi xogħol aktar iebes minn tas-siġar l-oħra. Kull siġra kibret bis-saħħa tal-ħajja u r-ritmu li għandha ġo fiha, u għolliet ‘il fuq lejn is-sema l-friegħi tagħha.
Xejn ma ġiegħel lil dik il-fjura ċkejkna, li ra hemm ħdejn saqajh, tgħir għal Franġisku li kien ogħla minnha, u seta’ jmur ‘l hawn u ‘l hinn fejn irid, waqt li hi kienet imsammra f’dak il-post għal ħajjitha kollha.
Għaliex mela l-bnedmin jitħabtu tant biex isiru dak li m’humiex, u jqisu l-valur tagħhom mis-suċċessi li jiksbu? Franġisku xtaq li l-bnedmin kollha jkunu bnedmin ta’ ġewwa, biex waqt li jħarsu lejn ir-ranċiża, jaraw lilhom infushom.