Xi ħadd ‘l min tħobb. Xi ħadd ‘il min tieħu ħsiebu. Kien dan il-ħsieb li ħakem qalb Franġisku fi Greccio nhar dak il-Milied meta ddeċieda li jiċċelebra t-Twelid ta’ Ġesù b’mod ġdid. Ġab fil-għar, qrib l-altar, barri u ħmara ħalli huma wkoll jieħdu sehem fit-twelid mill-ġdid ta’ Kristu fil-ħobż u l-inbid ta’ l-Ewkaristija ta’ jum il-Milied.
Nhar il-Milied it-tarbija Ġesù twieled mill-ġdid fi qlub il-bnedmin, u Franġisku ħassu impressjonat li Alla ġie fostna f’sura ta’ tarbija u hekk ikollna ‘l xi ħadd biex nieħdu ħsiebu. Il-Milied kien l-iktar festa għażiża, għax kien ifisser li issa Alla sar wieħed minna. Ġisem minn ġisimna u għadam minn għadamna, nistgħu nersqu lejn din it-tarbija mingħir l-iċken ħjiel ta’ biża’. Nistgħu anke nitbellhu u ma naħsbuhiex darbtejn biex inġiegħeluha tidħak. Nistgħu nkunu tabilħaqq aħna, għax tarbija taċċettana sempliċement kif aħna, u tgħidx kemm twerżaq u tieħu gost meta tarana niċċajtaw u nimmutettjaw quddiemha.
Xi ħadd ‘l min inħobbu. Propju dak kien Greccio, dak kien il-Milied. Talab għan-nies li jinsabu waħidhom f’kull rokna tad-dinja ħalli jaslu jifhmu xi jfisser għalihom personalment li Alla ħa ġisem bħal tagħna. Issa Alla kien bħalna f’kollox minbarra d-dnub. U ħalla ‘l kull min ried jiġi għandu jrefgħu u jmissu. Xi ħadd ‘il min inħobbu, xi ħadd ‘il min immissu. Dak kien Greccio, dak kien Alla li sar bniedem.