Inizjamed, bi sħab mad-Dipartiment tal-Malti ta' l-Università, tippreżenta t-tieni
Kors Prattiku għal Min Irid Jikteb għat-Tfal |
Trevor Żahra |
|
Applika ghall-Kors Li Jibda fis-7 ta' Jannar, 2002 Nhar
it-Tnejn, 7 ta’ Jannar, 2002, Inizjamed, bi sħab
mad-Dipartiment tal-Malti ta’ l-Università,
se tibda t-tieni kors għal
kulmin jixtieq jikteb stejjer għat-tfal ta’ bejn 10 u
12-il sena. Il-kors se jsir fiċ-Ċentru tal-Konferenzi M. A.
Vassalli (magħruf ukoll bħala Gateway Bldg.)
ta’ l-Università (kamra 156). Se jkun hemm għaxar sessjonijiet ta’
sagħtejn il-waħda li jkunu dejjem nhar ta’ Tnejn bejn
is-6.30pm u t-8.30pm. (Ara wkoll Thankyou Inizjamed! u Kummenti tal-Parteċipanti dwar il-Kors) Dan
huwa kors intensiv li minn naħa jistħarreġ
il-kitbiet ta’ l-awturi klassiċi u kontemporanji, Maltin u
barranin, u min-naħa l-oħra jinvolvi u jassisti lill-parteċipanti
kollha fil-kitba ta’ xogħlijiet oriġinali. Huwa kors li
fih dawk li jieħdu sehem ghandhom l-opportunità jiftakru fi
tfulithom, jirrakkontaw ġrajjiet personali, jiktbu għat-tfal,
jaqraw il-kitbiet tagħhom, jikkritikaw, jitgħallmu
mill-kritika u jistimulaw ruħhom biex jiktbu iktar u aħjar.
Minħabba
li dan huwa kors intensiv li fih kull sessjoni hija marbuta sew
mas-sessjonijiet l-oħra u l-parteċipanti se jieħdu
sehem attiv, importanti li min japplika għall-kors jara li jkun
jista’ jattendi s-sessjonijiet kollha. Il-prezz għall-kors
kollu huwa ta’ Lm20 u fl-aħħar jingħata ċertifikat
lil min ikun temm il-kors b’suċċess. Matul l-għaxar ġimgħat tal-kors, il-parteċipanti se jkollhom skond speċjali ta’ 25% fuq il-kotba li jixtru minn ħanut u pubblikatur ewlieni tal-kotba tat-tfal. Barra minn hekk, dan il-pubblikatur se jippubblika ktieb bl-aħjar istejjer li jkunu nkitbu mill-parteċipanti matul il-perijodu tal-kors. Min jixtieq aktar tagħrif jista’ jikteb lil Clare Azzopardi li flimkien ma’ Ritianne Gatt, Trevor Żahra u Adrian Grima fasslu l-kors: korsinizjamed@email.com. Il-formola ta’ l-applikazzjoni qiegħda wkoll fuq il-website ta’ Inizjamed. Minħabba n-natura tal-kors, il-postijiet huma limitati. Jista’ japplika kulmin għalaq it-tmintax-il sena, anki nies li qatt ma kitbu letteratura qabel. L-applikazzjoni u ċ-ċekk ta’ Lm20 maħruġ f’isem “Inizjamed” iridu jintbagħtu lil Inizjamed, att. Karsten Xuereb, Lapsi Court, Fl. 6, Triq Lapsi, San Ġiljan. STJ 08. L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sakemm jimtlew il-postijiet. Adrian Grima 10.12.01
|
||
|
||
Għall-Ewwel Paġna | Back to the English Page
|