Artiklu minn Joseph Muscat, membru tal-Parlament Ewropew
IL-KUMMISSJONI EWROPEA QED TEŻAMINA T-TAXXA FUQ ID-DIXXIJIET TAS-SATELLITA
It-Tnejn, it-12 ta' Lulju, 2004
Il-Kummissjoni Ewropea qed teżamina l-liġi li permezz tagħha l-Gvern Malti qed
jintaxxa Lm25 fis-sena lil kull min għandu dixx tas-satellita.
Id-Direttorat Ġenerali tat-Tassazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea informa b’dan
lil Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, Joseph Muscat.
F’ittra li bagħat lil Muscat, il-Kap tal-Unit responsabbli mill-implimentazzjoni
tal-liġijiet Ewropej, Richard Van Raan, qal li bħalissa għaddej eżami tal-liġi
f’dan il-qasam.
Van Raan qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu pożizzjoni dwar din
il-kwistjoni hekk kif tispiċċa teżamina l-liġi.
Van Raan ħeġġeġ ukoll lil min qed iħallas din il-liċenzja biex jara jekk għandux
juża' mezzi legali biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu.
Il-Kummissjoni Ewropea irreaġixxiet wara li Joseph Muscat bagħat ittra
lill-Kummissarju għas-Suq Intern Frits Bokestein dwar dan is-suġġett.
Fl-ittra tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Muscat ġibed l-attenzjoni għal
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea maħruġa nhar it-2 ta’ Lulju 2001, li
fiha jintqal li individwi privati għandhom jitħallew fil-libertà li jużaw
dixxijiet tas-satellita mingħajr ostakoli tekniċi, amministrattivi, ta’ ppjanar
jew ta’ taxxa. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kienet qalet li hija
kontra taxxi mmirati fuq l-użu tad-dixxijiet tas-satellita.